Suġġeriment għal reżoluzzjoni għal din is-sena

Hekk kif għadda l-Milied u bdejna sena ġdida, is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm jixtieq jirringrazzja lil dawk l-1805 persuna li tul Diċembru li għadda resqu biex jagħtu d-demm, fosthom 114 persuna li taw id-demm għall-ewwel darba.

Intant, is-Servizz ikompli jħeġġeġ iktar donaturi biex jagħmlu reżoluzzjoni li jagħtu d-demm iktar b’mod regolari, u dawk li għadhom qatt ma taw, jekk hu possibbli, jikkommettu ruħhom biex tul din is-sena jibdew jagħtu d-demm.

Għaldaqstant dawk jixtiequ jagħmlu dan il-pass għandhom jersqu:

  • fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kujum (7 ijiem fil-ġimgħa) mit-8:00am sas-6:00pm.  
  • fil-mobile blood donation unit li nhar il-Ħadd 10 ta’ Jannar mit-8:30am sas-1:00pm ser ikun fi Pjazza Medjatriċi, maġenb il-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żabbar.
  • fil-Berġa tax-Xewkija li nhar It-Tlieta 12 ta’ Jannar se tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm.

 Noti importanti!

  • Meħtieġ li wieħed iġib il-Karta tal-Identità, jew il-Liċenzja tas-Sewqan jew Passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.
  • Kulmin ser jersaq biex jagħmel is-swab test tal-coronavirus jew qed jistenna r-riżultat tiegħu ma jkunx jista’ jagħti demm sakemm joħroġ r-riżultat li hu negattiv għall-virus.

Dan it-tagħrif twassak mis-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm.