Suġġeriment biex il-protezzjoni tal-ambjent tidħol fil-Liġi Kanonika

Il-Kardinal Francesco Coccopalmero

Il-Kardinal Francesco Coccopalmerio li kien il-konsulent ewlieni tal-Vatikan dwar il-Liġi Kanonika, għamel appell biex fil-Liġi Kanonika tal-Knisja Universali jidħlu obbligazzjonijiet legali għall-ħarsien tal-ħolqien u jsir obbligu legali għall-Kattoliċi, mhux biss li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, imma wkoll li jtejbuh.

Coccopalmerio għamel din il-proposta waqt laqgħa li saret f’Ruma riċentement bit-tema: “Dialogue on Catholic Investments for the Energy Transition,” li fiha, rappreżentanti tal-Vatikan u organizzazzjonijiet Kattoliċi ddiskutew kif jista’ jsir investiment responsabbli għal bidla ta’ enerġiji rinovabbli.

F’intervista mal-“Vatican Insider,” il-Kardinal irrefera għall-artikli tal-Liġi Kanonika li jitkellmu dwar l-Obbligi u d-Drittijiet tal-Fidili. Din it-taqsima tagħti identità tan-Nisrani u l-ħajja tiegħu bħala Kristjan. Iżda fiha m’hemm xejn dwar “wieħed mill-aktar doveri serji: dak li nipproteġu u nippromwovu l-ambjent naturali li fih ngħixu.”

Il-proposta li hu ħareġ biha u li ssuġġerixxa li tkun sottomessa lill-Papa wara li tkun kkunsidrata mill-Kunsill Pontifiċji għat-Testi Leġislattivi, titlob li jidħol artiklu ġdid li jiżdied mal-obbligi tal-fidili, li jitkellem speċifikament fuq ir-responsabbiltà ambjentali.

Coccopalmerio, li f’April li għadda l-Papa Franġisku aċċetta r-riżenja tiegħu minħabba l-età, saħansitra għamel is-suġġerimenti tiegħu dwar il-kliem ta’ din il-klawsola li għandha tiżdied:  “Kull nisrani għax jaf li l-ħolqien hi d-dar komuni tagħna, għandu l-obbligu gravi mhux biss li ma jagħmilx ħsara, imma wkoll li jtejjeb, kemm bl-imġiba tiegħu ta’ kuljum kif ukoll b’inizjattivi speċifiċi, l-ambjent naturali li fih kull bniedem hu msejjaħ biex jgħix.”