Suġġeriment biex il-Papa jiltaqa’ ma’ Salvini wara r-rebħa elettorali

Il-Mexxej tal-Lega Nord, Matteo Salvini, jxejjer il-Bibbja u l-kuruna u jirrifjuta r-refuġjati

F’dawn l-aħħar jiem diversi ġurnali Taljani qalu li l-Papa Franġisku hu l-akbar tellief wara l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, hekk kif il-partit populista li hu kontra l-emigrazzjoni rebaħ il-maġġoranza tal-voti.

Fl-elezzjonijiet li saru lejn l-aħħar ta’ Mejju madwar l-Ewropa kollha, raw lill-partiti moderati rebbieħa fuq livell Ewropew iżda fl-Italja, il-Polonja u Franza, il-partiti populisti rebħu ħafna voti u dan ħafna nterpretawħ li l-messaġġ tal-Papa Franġisku biex l-emigranti jkunu milqugħa u integrati fil-pajjiżi Ewropej ma ntlaqax tajjeb f’dawn il-pajjiżi tradizzjonalment Kattoliċi.

Rebħiet kbar għal Lega Nord

Fl-Italja il-partit populista lemini tal-Lega Nord kiseb aktar minn 33% tal-vot li hu ammont kbir ħafna, filwaqt li l-Partit Demokratiku kiseb 22% u l-popuisti xellugin 5 Stelle waqgħu lura bi 18% tal-vot.

Dan ir-riżultat ħoloq kunflitt fil-knsija fl-Italja. Filwaqt li xi Isqfijiet ikkundannaw lil Lega Nord u l-mexxej tagħha Matteo Salvini għal ħafna diskors kontra l-imigrazzjoni u r-retorika nazzjonalistika, oħrajn qed jinsistu li l-Papa u l-Knisja fl-Italja ma jistgħux jibqgħu jinjorawh.

“Jien nirringrazzja lil Dak ta’ hemm fuq” qal Salvini waqt li beda jxejjer kuruna tar-rużarju, f’laqgħa mal-ġurnalisti meta bdew joħorġu r-riżultati elettorali. Salvini li hu wkoll Viċi Prim Ministru Taljan kien diġa’ sab ruħu fl-inkwiet talli bies kuruna u beda jxejjer kopja tal-Bibbja qabel dan l-inċident. L-Isqfijiet Taljani kienu ċanfruh u kkundannaw il-politika tiegħu kontra l-emigrazjoni li ddeskrivewha bħala “anti Kristjana”.

Suġġeriment tal-Kardinal Muller

Iżda l-Kardinal Ġermaniż Gerhard Müller, qal li wasal iż-żmien li l-Knisja fl-Italja u l-Papa Franġisku jagħmlu paċi ma’ Salvini. “F’dan il-mument, il-Knisja ndaħlet wisq fil-politika u ftit fejn tidħol il-fidi” qal Muller f’intervista mal-ġurnal Taljan Corriere della Sera.

“Awtorità  tal-Knisja ma tistax titkellem b’mod dilettantesk dwar kwestjonijiet teoloġiċi u fuq kollox m’għandhiex tidaħal fil-politika meta hemm Gvern leġittimu elett demokratikament”, qal Muller. “Aħjar jitkellmu ma’ Salvini, jiddiskutu miegħu u fejn hu meħtieġ jikkoreġuh”.

Il-Papa Franġisku qatt ma ltaqa’ uffiċjalment m’ Salvini minkejja li l-Istat u l-Knisja fl-Italja dejjem imxew id f’id. Il-Kardinal Muller stqarr li hu kurjuż kif il-Papa li laqa’ l-aktar persunaġġi sekularisti, qatt ma ltaqa’ ma’ Salvini. “Jitkellem mar-reġim tal-Venezeula jew maċ-Ċina fejn hemm miljuni ta’ nsara f’kampijiet ta’ ndotrinazzjoni u huma persegwitati. “Fl-Italja mhux iċ-Ċina. Trid titkellem ma’ kulħadd fi spirtu ta’ fraternità”, żied jgħid il-Kardinal Muller.

Müller qal li hemm pajjiżi li jridu li l-Italja u l-Ewropa ma jibqgħux Kristjani filwaqt li Salvini jagħmel riferenza għall-patruni tal-Unjoni Ewropea u l-għeruq Kristjani tagħha. “Jien nippreferi dawk li jitkellmu dwar it-tradizzjonijiet insara minn dawk li jridu jeqirdu dawn it-tradizzjoni”, sostna l-Kardinal Ġermaniż

Is-Sammaritan it-Tajjeb

Il-ħsibijiet tal-Kardinal Muller jirriflettu dawk ta’ mijiet ta’ persuni li attendew għal rally organizzat minn Salvini li meta l-Viċi Prim Ministru għamel riferenza għall-Papa Franġisku urew sinjali ta’ disapprovazzjoni għall-Papa quddiem il-Kattidral ta’ Milan. Ħafna Kattoliċi fl-Italja jfakkru li Salvini ħalef li “jiddefendi l-ħajja” fuq livell Ewropew, jopponi d-drittijiet tal-komunità LGBT u jenfasizza ħafna l-valuri nsara.

Min-naħa tiegħu, Fr Franceso Ochetta, qal fuq l-istazzjoni televiżiv tal-Isqfijiet Taljani li “mhux biżżejjed turi l-Evanġelju u xxejjer il-kuruna tar-rużarju biex tissejjaħ politiku kattoliku. Għalina l-aqwa paġna politika fil-Vanġelu hi l-parabbola tas-Sammaritan it-Tajjeb”.