Sue Abela tirbaħ it-tielet titlu personali tas-Seniors Bowling

Dennis Mercieca u Sue Abela huma r-rebbieħa tal-Kampjonati BOV tas-Seniors tal-Bowling. Huma marru fuq quddiem mill-ewwel ġurnata tal-kampjonat li ntlagħab fuq tliet ijiem, b’medja għolja ta’ ‘l fuq minn 200 pin kull logħba biex b’hekk ħarġu rebbieħa.

Abela rebħet it-tlett edizzjonijet li lagħbet fihom, filwaqt li din kienet l-ewwel rebħa minn erbgħa tentattivi għal Mercieca. Iċ-champion nazzjonali Sue Abela kompliet iżżid id-distakk biex spiċċat b’medja ta’ ‘l fuq min 206 pin fuq 18 il-logħba, u rebħet b’distakk ferm qawwi biex żammet it-titlu.

It-tellieqa għat-tieni post kienet ferm aktar missielta, fejn Liliana Spiteri u Josephine Borg spiċċaw bl-istess totali eżatt wara t-tmintax il-logħba. Iżda Spiteri kisbet it-tieni post peress li spiċċat l-aħħar logħba aħjar minn Borg.

Il-kompetizzjoni bejn l-irġiel kienet missielta wkoll. Mercieca żamm l-ewwel post kif daħlu fit-tielet ġurnata tal-kompetizzjoni, segwit minn Mark Spiteri, ir-rebbieħ tal-midalja tal-bronz fil-kampjonati tad-dinja tas Seniors u Kenneth Arpa. Dawn qatgħu ftit mid-distakk meta Mercieca kellu logħba ta’ 137 biss, iżda malajr irkupra b’żewq logħbiet ‘l fuq min 200 pin kull waħda biex żamm l-ewwel post f’dawn il-kampjonati.

Fir-raba’ post spiċċa Giancarlo Tolu. Mercieca, Spiteri, Arpa u Tolu se jkunu qed jirrapreżentaw lil Malta fil-kampjonati Ewropej tas-seniors is-sena d-dieħla.

Ernest Agius, Kap Uffiċjal fi ħdan il-Bank of Valletta ippreżenta t-trofej lir-rebbieħa.