Suċċess dinji għall-membru żgħażugħ tal-Vikings Sailing Club

Sean Zahra ta’ 16-il sena mill-Vikings Sailing Club (VSC) għadu kemm wasal lura minn parteċipazzjoni b’suċċess fiż-Zhik Topper Worlds fi Pwllheli, Wales, fir-Renju Unit.
Zahra rrappreżenta lil Malta fil-kompetizzjoni centreboard dinghy annwali magħrufa mill-ISAF, li fiha ħadu sehem aktar minn 150 kompetitur.
F’Wales, Zahra issielet ma’ kundizzjonijiet xejn tajba tat-temp, li inkludew frugħ u rjiħat li kultant kienu tassew qawwija, u spiċċa fl-54 post minn 155 li ħadu sehem fil-klassi tiegħu
Il-VSC Commodore Richard Gabriele qal li din kienet l-ewwel darba li Sean ħa sehem f’attivita’ barra minn Malta u l-pożizzjoni li ġie fiha turi d-dedikazzjoni kbira li għandu.
Zahra kkompetta mal-aqwa baħħara żgħażagħ fid-dinja u kellu l-opportunità li jiltaqa’ ma’ baħħara ta’ suċċess minn madwar id-dinja.
Zahra ilu jbaħħar għal dawn l-aħħar seba’ snin, bl-uzu ta’ dinghies differenti li hemm fil-VSC.
Ħa sehem regolarment fil-maratona ta’ kull sena ta’ tbaħħir tal-VSC, u għal dawn l-aħħar sentejn ħa sehem għall-50 siegħa kollha ma’ baħħara żgħażagħ oħra.
Il-VSC fih 200 membru, ilu għal dawn l-aħħar 30 sena jorganizza diversi attivitajiet fuq bażi regolari u jaħdem id f’id mal-Kunsill Malti għall-Isport (KMS) biex jorganizza sessjonijiet ta’ taħriġ għat-tfal żgħar.
VSC dan l-aħħar organizza l-maratona tiegħu ta’ 50 siegħa ta’ tbaħħir quddiem iċ-ċentru tiegħu f’Xatt it-Tiben, fil-Furjana.