Suċċess minn bowlers Maltin fl-Olanda

Tnejn mill-atleti mill-Malta Tenpin Bowling Association, Matthew Magro ta’ 16-il sena u Juliana Bonanno ta’ 19-il sena, riċentament ivvjaġġaw sa Nieuwegein fl-Olanda, sabiex jieħdu sehem fil-ħmes waqfa tat-Trofew Ewropejw taż-Żgħażagħ. Huma kkompetew kontra atleti minn pajjiżi li jinkludu d-Danimarka, l-Iżvezja, l-Ingilterra, l-Irlanda, l-Olanda, l-Iskozja, Franza, il-Ġermanja, il-Belġju, l-Ukrajna u r-Russja.
Iż-żewġ atleti rnexxielhom jikkwalifikaw mal-aqwa 12 tad-diviżjonijiet rispettivi tagħhom, u b’hekk setgħu jilagħbu fil-finali ta’ nhar il-Ħadd.
Matthew ikkwalifika fis-sitt post minn 39, b’serje ta’ 1,193, filwaqt li Juliana kkwalifkat fit-12-il post minn 30, b’serje ta’ 991, mifruxin fuq sitt logħbiet.
Fil-finali, Matthew kiseb riżultat finali tas-sitt post, wara li lagħab serje ta’ 787 fuq erba’ logħbiet. Madanakollu, Juliana tejbet postha biex telgħet fl-10 post, permezz ta’ serje ta’ 645, ukoll fuq erba’ logħbiet.
Matthew Magro nagħta premju tal-aktar atleta konsistenti fil-kompetizzjoni.
Permezz ta’ din il-kompetizzjoni, l-atleti kisbu punti importanti, li bihom jikkwalifikaw għall-finali tat-Trofew Ewropew taż-Żgħażagħ, li se jsir f’Mejju. F’dan il-ħin, Matthew jinsab fit-tielet post fil-kategorija tas-subien taħt is-16-il sena, filwaqt li Juliana tokkupa s-seba’ post fil-kategorija tal-bniet taħt it-22 sena.