Suċċess kbir għall-pjan ta’ pensjoni għall-impjegati ta’ HSBC Malta

F’April li għadda, HSBC Bank Malta p.l.c. u l-Union tal-Impjegati tal-Banek ta’ Malta (MUBE) ħabbru t-tnedija ta’ pjan għall-pensjoni tal-impjegati. Din se tkun l-ewwel offerta tax-xorta tagħha fis-settur privat f’dan il-pajjiż. Issa, wara seba’ xhur, madwar 800 impjegat tal-HSBC huma rreġistrati f’dan il-pjan. Dan hu pass importanti għall-HSBC u għall-MUBE f’konformità mal-impenn li sar mal-impjegati, li huma fil-qalba tal-organizzazzjoni.

F’kumment dwar din il-kisba, il-Kap tar-Riżorsi Umani tal-HSBC Caroline Buhagiar Klass qalet, “L-HSBC hu impenjat li jappoġġja lill-impjegati tiegħu fir-rigward tal-ġejjieni finanzjarju tagħhom, u jemmen li dan il-pjan tal-pensjoni hu benefiċċju ġdid u importanti li se jgħin lill-impjegati jippjanaw għal għada pitgħada.”

William Portelli, il-President tal-MUBE, iddikjara, “Dejjem kienet l-ambizzjoni u l-viżjoni tal- MUBE li tkompli tappoġġja l-benesseri tal-impjegati billi tipprovdilhom l-opportunità li jkollhom pjan tal-pensjoni. L-MUBE temmen li dan jista’ jiġri biss permezz ta’ kollaborazzjoni effettiva u sinifikanti. Għalhekk, kull fejn u kull meta jkun possibbli, l-MUBE se tkompli tinsisti ma’ dawk li jħaddmu biex, b’mod serju, jikkunsidraw li joffru benefiċċju bħal dan li jgħin ħalli l-impjegati jibqgħu jaħdmu f’dik l-azjenda u li, fl-istess waqt, jappoġġja b’mod ċar il-benesseri fit-tul tal-impjegati kollha b’mod ġenerali. L-MUBE tixtieq tirringrazzja lil dawk kollha li kienu involuti fil-ħidma biex ikun varat dan l-ewwel pjan tal-Pensjoni tal-HSBC għall-impjegati Maltin.”

Il-pjan jinvolvi kontribuzzjonijiet minn impjegati bil-bank joffri l-istess ammonti filwaqt li jiżgura li jinkisbu l-livelli ġenerali ta’ kontribuzzjonijiet miftiehma bejn HSBC u MUBE. Imbagħad dawn jiġu investiti permezz ta’ HSBC Life Assurance (Malta) Limited, u dan jista’ jwassal għal tkabbir matul is-snin.

Meta jirtiraw, l-impjegati jistgħu jużaw il-flus disponibbli fil-pjan rispettiv tagħhom biex jgħinuhom iżommu stil ta’ ħajja prosperu. L-HSBC hu l-ewwel bank ewlieni f’Malta li qed iniedi pjan tal-pensjoni għall-impjegati tiegħu u dan jimmarka mument ta’ unur u sodisfazzjon fl-istorja tal-bank f’Malta.