Suċċess għall-ewwel serata tal-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar

L-Awtorità Maltija tat-Turiżmu fissret l-ewwel serata tal-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar bħala suċċess, b’eluf ta’ nies li segwew l-ispettaklu f’Marsaxlokk.
Il-kmamar tan-nar Pirotecnica Poleggi mill-Italja, Hojen & Magic Fireworks company mid-Danimarka u dik San Ġorġ minn Ħal Qormi ħadu sehem fl-ewwel serata flimkien mal-bands Xarulu u Airport Impressions.
Saru wkoll diversi attivitajiet oħra li kkumplimentaw il-logħob tan-nar fosthom wirjiet dwar il-produzzjoni tal-logħob tan-nar, wirja tal-karozzi, żjarat iggwidati ma’ Marsaxlokk u mużika u animazzjoni mat-toroq.
Il-festival ikompli s-Sibt li ġej fix-Xagħra f’Għawdex b’wirjiet minn Dance of Fire tal-Ukraina, Macedo’s Pirotecnia tal-Portugall u l-kamra tan-nar Santa Marija ta’ Ħal Għaxaq.
L-aħħar serata ssir is-Sibt 30 t’April madwar il-Port il-Kbir. Fiha jieħdu sehem ir-rebbieħa tal-festival tas-sena li għaddiet, imbagħad spettaklu miinn Pyroemotions tal-Italja b’kollaborazzjoni tal-kamra tan-nar Lourdes tal-Qrendi.
Kull filgħaxija l-ispettaklu jibda fid-9.30pm.
Ritratti: MTA