Suċċess għall-ewwel European Move Week f’Għawdex

L-ewwel ‘European Move Week’ organizzata f’Għawdex kienet suċċess tant li l-Gozo Sports Board qed jaħseb biex jorganizza avveniment ikbar mifrux mal-gżira kollha.
Din kienet l-ewwel darba li l-Gozo Sports Board u l-KMS Malta organizzaw attivitajiet sportivi biex il-popolazzjoni tiċċaqlaq, l-istess kif kien qed isir f’diversi pajjiżi oħra Ewropej fl-istess jiem.
L-attivitajiet saru fil-Qala, fix-Xagħra, fix-Xewkija, f’Ta’ Kerċem, fin-Nadur, f’Ta’ Sannat u fir-Rabat, Għawdex.
Fost id-dixxiplini li ħajru tfal u adulti jagħmlu eżerċizzju kien hemm duathlon organizzata mill-Greyhounds, soft ball u baseball organizzati mit-tim Redcoats, atletika mill-atleta Malti Mario Bonello u kowċis oħra, horse riding fejn diversi tfal rikbu żwiemel u ngħataw karrotti u tuffieħ biex jitimgħu liż-żwiemel, arti marzjali, futbol min-nurseries Għawdxin, rugby, ġinnastika u żfin f’diversi pjazez.