Suċċess għal Ruth Portelli fil-Bulgarija

Ritratt: J.J. Chircop

Suċċess għall-kantanta Għawdxija Ruth Portelli hekk kif illejla rebħet l-ewwel premju fil-konkors Discovery International Pop Music Festival li jittella’ f’Varna fil-Bulgarija. Hija ħadet sehem b’żewġ kanzunetti, Determinata ta’ Emil Calleja Bayliss u Mark Scicluna, kif ukoll is-silta Think of Me mill-musical The Phantom of the Opera.

Ruth Portelli fir-reklam tal-festival Discovery tal-Bulgarija

Lura fl-2010 lil Ruth niftakruha fil-Malta Eurosong bil-kanzunetta Three Little Words u f’din l-aħħar sena reġgħet bdiet timpenja ruħha sew fil-qasam mużikali. Fost oħrajn rajniha fil-festival L-Għanja tal-Poplu tas-sena l-oħra bil-kanzunetta Għaliex Tlaqt, fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza bil-kanzunetta Determinata, u ħadet sehem ukoll fil-musical Joseph & The Amazing Technicolor Dreamcoat.

Il-kantanta Għawxija esprimiet is-sodisfazzjon tagħha dwar is-suċċess tal-lejla ta’ dan il-festival permezz ta’ post fuq il-paġna tagħha fuq is-sit soċjali Facebook fejn qalet li tinsab bla kliem.

Din kienet it-28 edizzjoni ta’ dan il-festival Internazzjonali li fil-passat ra is-sehem ta’ bosta kantanti Maltin, li wkoll kisbu suċċess. Dawn jinkludu lil Marvic Lewis, Mark Tonna, Olivia Lewis, Julie Zahra, Ludwig Galea, Roger Tirazona, Eleanor Spiteri, Janvil, Domenique, Deborah C u Janice Mangion.

Ritratt: Facebook