Suċċess għal operazzjoni fuq ‘l-iżgħar pazjenta fid-dinja’

Intervent fi sptar f’Turin, fl-Italja, hu meqjus l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu fuq pazjent daqshekk ċkejken.
Tifla minn tewmin bniet, imwielda qabel iż-żmien, ta’ 33 ġimgħa biss, hi meqjusa l-ewwel pazjenta fid-dinja daqshekk żgħira li fuqha saret operazzjoni partikolari, u li s’issa jidher li salvatilha ħajjitha.
Iċ-ċkejkna twieldet bi problemi gravi marbuta mal-pulmun li kien imblukkat b’mod li ma tiħux nifs.
Imma l-intervent, kompletament innovativ u mhux invażiv, bl-użu tat-teknoloġija, wassalha biex tibda tieħu n-nifs.
Issa tinsab fit-taqsima ta’ terapija intensiva fejn il-pulmuni tagħha qed jibdew jitgħallmu jieħdu n-nifs.
It-tobba qalu li l-operazzjoni fuq tarbija tat-twelid hi diġà riskjuża, bid-diffikultajiet jiżdiedu ferm f’każ ta’ tarbija mwielda qabel iż-żmien bħalma kienet it-tewmija.