Aġġornata: “Suċċess ekonomiku; jgħiru għalina” – Il-PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat illum indirizza l-Korp Diplomatiku fejn semma fost l-oħrajn is-suċċessi ekonomiċi li qed jikseb il-pajjiż. Għamel aċċenn ukoll għal dawk li fi kliemu jgħiru għal Malta.
Huwa rringrazzja lill-membri tal-Korp Diplomatiku għad-djalogu matul is-sena li għaddiet.
Fost ir-riżultati li kisbet Malta, Muscat elenka t-tneħħija tat-tariffi tar-roaming, ir-rekords ġodda fir-rata tal-qagħad fil-pajjiż kif ukoll it-tkabbir ekonomiku u surplus. 
Fost l-isfidi, il-Prim Ministru saħaq li ma jistax ikun hemm paċi fil-Mediterran mingħajr ma jkun hemm stabilità fir-reġjun u reżoluzzjoni fil-Lvant Nofsani.
Huwa rrefera għall-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina u ddeskriva l-aħħar żviluppi bħala inkwetanti. Huwa tenna li Malta temmen fis-soluzzjoni li jkun hemm żewġ stati filwaqt li tirrikonoxxi li Iżrael għandu dritt jeżisti bħala stat. 
Ma naqasx milli jtemm id-diskors tiegħu billi jitkellem fuq il-Libja. Muscat saħaq li ma nistgħux nibqgħu sikta quddiem sitwazzjonijiet ta’ skjavitù bħal dawk li ġew irrapurtati fil-Libja. Kompla billi qal li filwaqt li kien hemm ħidma biex titnaqqas l-immigrazzjoni li kienet qed tiswa ħafna ħajjiet, wieħed ma jistax jiċħad li r-rata ta’ skjavitù u t-traffikar tal-bnedmin xorta baqgħet għolja. 
Il-Prim Ministru għaraf lill-Libja bħala l-alleata ewlenija fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Saħaq li l-komunità internazzjonali għandha tappoġġja l-isforzi biex ikun hemm elezzjonijiet ħielsa fil-Libja u b’hekk ikun hemm Gvern stabbli. 

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Mexxej Laburista għall-Affarijiet tal-Partit Chris Cardona, f’laqgħa separata fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista qal li r-rata ta’ tkabbir ekonomiku f’Malta tiżboq dik f’ħafna pajjiżi Ewropej.
Semma wkoll li Malta għandha l-inqas rata ta’ qgħad u ddeskriva l-pajjiż bħala wieħed li qiegħed fuq quddiem fl-Ewropa u proattiv jfittex l-investiment. 
Temm id-diskors tiegħu billi qal li Malta trid tkompli tibni r-relazzjonijiet tagħha u ssaħħaħ ir-reputazzjoni madwar id-dinja. 
"Il-paċi fil-Mediterran se tibqa' l-prijorità tagħna għall-2018" – Carmelo Abela

Waqt mumenti differenti, indirizza wkoll lin-nies il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Carmelo Abela, li fost oħrajn f'diskors twil qal li l-paċi fil-Mediterran se tibqa' l-prijorità numru wieħed gġall-politika barranija Maltija.
Abela qal li hemm bżonn li jiġu indirizzati dawk il-fatturi li qed jibqgħu joħolqu sens ta' nuqqas ta' kunfidenza u sigurtà, nuqqas ta' sodisfazzjoni u diżillużjoni fin-nies.
Semma s-sitwazzjoni fil-Libja, u rrimarka li ħadd ma jista' jibqa' jemmen li l-problemi tal-Libja huma tagħha biss.
Insista li d-djalogu reġjunali hu essenzjali, u indika li għandu jkun hemm aktar kuntatt bejn l-Unjoni Ewropea u l-Lega tal-Istati Għarab.