Submarine Amerikan f’parata ta’ qawwa fl-ibħra Koreani

Submarine Amerikan li jaħdem bl-enerġija nukleari għadda mill-port tal-Korea t’Isfel f’parata ta’ qawwa, dan waqt it-tensjoni dejjem tiżdied li hemm bejn il-Korea ta’ Fuq u l-Istati Uniti.
Il-ġimgħa l-oħra wkoll tħalla jidħol fl-ibħara tal-peniżola Koreana bastiment Amerikan, u qanqal ir-rabja tal-Korea ta’ Fuq li qalet li mhix beħsiebha titkarrab għall-paċi ma’ ħadd.
Sadanittant, illum il-Korea ta’ Fuq se tkun qed tiċċelebra l-85 sena mit-twaqqif tagħha, meta Kim il-Sung, in-nannu tal-mexxej attwali Kim Jong-un, iddeċieda li jwaqqaf pajjiż Komunist fi tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija.
Huwa magħruf li l-Korea ta’ Fuq tħobb tperreċ il-qawwa militari tagħha kull sena f’dal-jum speċjali, billi twaddab xi missila jew teżegwixxi xi test nukleari, u għalhekk azzjoni bħal din min-naħa tal-Istati Uniti qed titfa’ t-tiben qrib in-nar. Aktar u aktar, meta hi taf li billi tagħmel hekk, qed tniggeż lill-Istati Uniti u liċ-Ċiniżi.
Intant, ma’ das-submarine mistennija tidħol flotta ta’ bastimenti fil-jiem li ġejjin fl-ibħra Koreani.
Fil-ħin li ġej ukoll, mibgħuta għolja mill-Korea t’Isfel, mill-Ġappun kif ukoll mill-Istati Uniti se jiltaqgħu f’Tokjo biex jiddiskutu għala l-Korea ta’ Fuq ilha tant tirrifjuta li twaqqaf il-programm nukleari tagħha.
Fir-ritratt: Is-submarine USS Michigan qrib il-port ta' Busan fil-Korea ta' Isfel