Subien Maltin jammettu li rċevew messaġġi sesswali aktar mill-bniet – studju

Read in English.

Subien Maltin li għandhom 11-il sena jew iktar ammettew li rċevew messaġġi sesswali online, bil-perċentaġġ tas-subien ikun għoli iktar minn dak tal-bniet. Dan ħareġ fi studju li sar fl-2018 minn EU Kids Online flimkien ma’ diversi entitajiet Maltin.

Is-survey li ġie mwieġeb minn 1,234 tifel u tifla li għandhom bejn 9 u 16-il sena sab li 26% tat-tfal kollha, jiġifieri 321 tifel u tifla, irċevew messaġġi ta’ natura sesswali waqt li kienu qed jagħmlu użu mill-internet. Filwaqt li jidher li tfal li għandhom inqas minn 11-il sena ma rċevewx dan it-tip ta’ messaġġi, il-perċentaġġ kompla jikber aktar kemm telgħet l-età.

Filwaqt li bosta jassumu li se jkunu l-bniet li jirċievu aktar messaġġi sesswali online milli subien, l-istudju partikolari juri xi ħaġa differenti. 27% tas-subien li wieġbu s-survey qalu li rċevew messaġġi sesswali, intant 24% tal-bniet qalu li rċevew dawn it-tip ta’ messaġġi. It-tfal li l-aktar irċevew dawn it-tip ta’ messaġġi online għandhom bejn 15 u 16-il sena, bil-perċentaġġ hawn jilħaq kważi n-nofs, 45%.

L-istudju sab ukoll li 20% tal-parteċipanti tas-survey ammettew li f’xi punt jew ieħor intalbu għal informazzjoni ta’ natura sesswali. Jiġifieri fost l-oħrajn sabiex jibgħatu ritratti tagħhom innifishom mingħajr ħwejjeġ jew biex jitkellmu dwar l-esperjenzi sesswali tagħhom. Il-maġġoranza tat-tfal qalu li din kienet xi ħaġa li kienet tiġri ‘l hemm u ‘l hawn. Iżda 3% tat-tfal, jiġifieri 37 tifel u tifla, qalu li kien ikollhom esperjenza tat-tip minn tal-inqas darba fix-xahar.

L-istudju bl-isem ta’ “Access, use, risk and opportunities for Maltese children on the internet” ġie ppubblikat f’Jannar ta’ din is-sena. Ir-riċerkaturi involuti huma: il-Prof Mary Anne Lauri, Lorleen Farrugia, Stephen Camilleri, Dunstan Hamilton, Isaac Sammut u Mark Spiteri.

Kemm jużaw il-mowbajl dawn it-tfal?

L-aktar mezz komuni li t-tfal Maltin jużaw biex jaċċessaw l-internet huwa permezz ta’ smartphone. Bih huma jibgħatu messaġġi, jagħmlu riċerka fuq l-internet, jieħdu selfies, jikkummentaw, jaraw filmati u jfittxu informazzjoni. 77% tat-tfal li wieġbu s-survey qalu li jagħmlu użu mill-ismartphone tagħhom biex jaċċessaw l-internet. Intant, l-istatistika maħruġa mis-survey turi li 94% tat-tfal li għandhom bejn 15 u 16-il sena jużaw l-ismartphone tagħhom. Filwaqt li 54% tat-tfal li għandhom bejn disa’ u 10 snin jagħmlu użu minnu.

L-istudju sab li 68% tat-tfal jużaw l-internet kuljum biex jikkomunikaw mal-familja u ma’ sħabhom. 79% jużaw l-internet biex jaraw filmati u 72% biex jisimgħu l-mużika. 46% ta’ dawn it-tfal jużaw l-internet biex iżuru l-midja soċjali. Il-perċentaġġ jikber aktar kemm jikbru t-tfal.

X’riskji affaċċjaw it-tfal li jagħmlu użu mill-internet?

45% tat-tfal li wieġbu s-survey qalu li għaddew minn esperjenzi online li keddewhom. Il-bullying online jibqa’ problema fejn 34% tal-parteċipanti qalu li għaddew minn ibbujar online jew offline fl-aħħar sena. 70% ta’ dawk li għaddew minn ibbuljar online qalu li rċevew messaġġi dispreġġjattivi u li jikkawżaw uġigħ.

Intant, 40% tat-tfal kienu esposti għal kontenut sesswali online. 70% minnhom kienu tfal ta’ bejn il-15 u s-16-il sena. Filwaqt li t-tfal l-aktar maturi ma ħassewx li ġew affettwati minn kontenut tat-tip, 24% tat-tfal bejn id-disa’ u l-10 snin u 34% tat-tfal li għandhom bejn 11 u 12-il sena ġew affetwati b’mod negattiv minħabba dan.

Madwar 4% tat-tfal esperjenzaw viżwali ta’ atti vjolenti online

L-istudju sab ukoll li madwar 4% tat-tfal esperjenzaw kontenut negattiv online. Dan il-kontenut jinkludi krudeltà fuq persuni jew annimali (5%), siti u diskussjonijiet li jippromwovu mibgħeda razzjali (6%), siti li juru ritratti ta’ persuni jweġġgħu lilhom innifishom (3%) u messaġġi dwar l-anorexia u l-bulimia (3%).

35% tat-tfal jitkellmu online ma’ nies li qatt ma ltaqgħu magħhom

L-istudju sab ukoll li 35% tat-tfal Maltin tkellmu ma’ persuni online minkejja li qatt ma kienu ltaqgħu magħhom fiżikament. Madwar nofs dawn it-tfal, eventwalment iltaqgħu ma’ dawn il-persuni wiċċ imb’wiċċ. Filwaqt li l-maġġoranza ta’ dawn it-tfal qalu li kienu kuntenti li għamlu din it-tip ta’ laqgħa, 6% qalu li ħassewhom skomdi.