Sturridge sospiż għal 4 xhur

L-eks attakkant ta’ Liverpoo Daniel Sturridge qal li hu ddispjaċut wara li ġie sospiż mill-futbol għal erba’ xhur wara li kiser regoli tal-logħob tal-ażżard.

Oriġinarjament is-Sajf li għadda kien sospiż għal sitt ġimgħat. Aktar kmieni din il-ġimgħa tħabbar ukoll li tħassar il-kuntratt li kellu ma’ Trabzonspor. F’filmat fuq YouTube Sturridge qal li dawn l-aħħar jiem kienu wisq turbolenti. Dan stqarru wara li d-deċiżjoni li ttieħdet kontrih wasslet li jitħassar ħesrem il-kuntratt tiegħu ma’ Trabzonspor.

Hu żied jgħid li kien proċess twil li spiċċa ħa snin sħaħ u dan ma ħallieħx jikkonċentra fuq il-karriera tiegħu tal-futbol. Hu qal li jħoss li l-kumpaniji tal-logħob tal-ażżard u l-proċess fejn in-nies jpoġġu flushom skont ma min jaħsbu li l-plejer se jingħaqad, għandha tieqaf.

Sturridge irringrazzja lil Tabzonspor iżda qal li ma ħassux komdu għall-fatt li kien qed jieħu l-paga mingħajr ma jikkontribwixxi xejn. Sturridge kien affaċjat b’diversi akkużi li allegaw li kien għadda informazzjoni minn taħt dwar potenzjal ta’ trasferiment lura f’Jannar tal-2018.

Sturridge ġie sospiż mill-futbol u minn kull ħaġa relatat ma’ futbol sat-18 ta’ Ġunju.

Il-kummissjoni sabet li Sturridge kien ta’ istruzzjoni lil ħuħ Leon biex ipoġġi flusu fuq il-possibiltà li jiċċaqlaq ma’ Sevilla. Aktar tard għaddielu informazzjoni dwar is-suq ta’ trasferiment ta’ Jannar tal-2018.