‘Studju xjentifiku’ qed jaħbi l-insib illegali – CABS

10 mistennija jitressqu l-qorti fuq insib illegali

Photo by: Committee Against Bird Slaughter (CABS)

Read in English.

L-investigazzjonijiet tal-Kumitat Kontra l-Qtil tal-Għasafar (CABS) jindikaw li numru ta’ nassaba qed jużaw l-iskuża ta’ “studju xjentifiku” – li jippermetti l-insib għall-għasafar tal-għana – biex jonsbu illegalment, b’10 nassaba mistennija jitressqu l-qorti.

Membri tal-CABS iffilmjaw 14-il persuna li kienu qed jonsbu għal għasafar tal-għana mingħajr il-permessi meħtieġa, u b’riżultat ta’ dan, il-Pulizija kkonfiskaw 9 xbieki, 2 trabokki u 42 għasafar ħajjin, li jinkludu ekri, għasafar taż-żebbuġ, sponsuni, ġojjini u vrieden.

Siti tal-insib illegali nstabu Iż-Żurrieq, Ħas-Saptan, Fomm ir-Riħ, Qala, Ta’ Ċenċ, Kerċem u Iż-Żebbuġ (Għawdex).

“Meta ġew interrogati mill-pulizija, għaxar nassaba insistew b’mod falz li kienu qed jipparteċipaw fl-istudju dubjuż li l-gvern qed jagħmel fuq l-għasafar tal-għana, b’numru minnhom saħansitra jipprovdu dokumenti foloz,” qalet l-uffiċjal tal-CABS Fiona Burrows.

Żiedet li l-pulizija f’Għawdex ma kellhomx aċċess għal-lista ta’ siti liċenzjati għall-insib, u b’hekk, meta tim tal-CABS irrapurta l-insib illegali f’Għawdex, “l-uffiċjali tal-pulizija naqsu milli jikkonfiskaw ix-xbieki u ħallew in-nassaba jkomplu jonsbu.” Però, fuq insistenza tal-CABS, il-Wild Bird Regulation Unit ikkonferma li ma kien hemm l-ebda permess, u l-CABS b’hekk qed tinsisti li dawn ukoll għandhom jitħarrku.

Kemm CABS kif ukoll BirdLife Malta kkritikaw bil-qawwa lill-gvern Malti għad-deċiżjoni li jħalli l-insib għall-għasafar tal-għana jsir bl-iskuża ta’ studju xjentifiku dubjuż, bin-nassaba mistennija jħarrbu l-għasafar li jaqbdu.

“Kull fejn jaħdmu t-timijiet tagħna jaraw abbużi lampanti u prattikament l-ebda infurzar proattiv,” stqarr il-kelliem tal-CABS Axel Hirschfeld.

“Il-gvern qed jgħaddi lil kulħadd bi żmien meta jinsisti li dan proġett xjentifiku meta l-unika għan hu li jaġjevola lin-nassaba u jgħinhom jimlew il-guvi u jkabbru l-kollezzjonijiet illegali tagħhom.”

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent kienet ukoll esprimiet tħassib serju fuq il-proposta tal-gvern.