Studju tal-Bank Ċentrali jqis li l-estensjoni tal-lukandi se ttejjeb l-ekonomija

Studju indipendenti magħmul minn ekonomisti tal-Bank Ċentrali jikkonferma li l-politika tal-Gvern, li tippermetti lukandi jżidu s-sulari tagħhom, mistennija jkollha impatt ekonomiku pożittiv.
F’Settembru li għadda l-MEPA ħabbret li lukandi ta’ tliet stillel jew aktar jistgħu jgħollu l-binja tagħhom skont kriterji speċifiċi, fosthom li ma jkunux f’żoni skedati jew f’żoni ta’ konservazzjoni.
L-istudju tal-Bank Ċentrali jbassar li din id-deċiżjoni twassal għal żieda permanenti fit-tkabbir ekonomiku ta’ Malta ta’ kważi 0.3% kull sena.
L-ekonomisti jipprevedu li se jkun hemm 18-il lukanda li tinvesti biex tkabbar in-numru ta’ sulari, li jissarraf f’żieda ta’ 1,100 sodda.
Dan l-investiment se jlaħħaq mal-€100 miljun fuq erba’ snin.
Għalhekk, il-ġid nazzjonali jiżdied b’mod permanenti bi kważi 0.3%, li jfisser tkabbir ta’ 0.4% fl-impjiegi, jew kważi 1,000 ruħ aktar jaħdmu bi qligħ.