“Studju soċjoloġiku ta’ Malta jekk inkun elett” – Chris Said

Il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Chris Said qal li jekk ikun elett se jagħmel studju soċjoloġiku tas-soċjetà li jittratta l-familja, il-ħaddiema, il-kwalità tal-ħajja, l-edukazzjoni u l-komunikazzjoni.
F’konferenza tal-aħbarijiet, Dr Said qal li l-PN jeħtieġ li jibdel is-sitwazzjoni li qiegħed fiha, dik ta’ spettatur passiv.
Huwa qal li Kap tal-PN ikun ukoll Kap tal-Oppożizzjoni u Prim Ministru prospettiv. Saħaq li għalhekk qed jispjega x’se tkun il-viżjoni tiegħu għal Malta biex kulħadd ikun jaf fejn hu miegħu.
Spjega li l-istudju soċjoloġiku se jikkummissjonah biex isir minn esperti fil-qasam tas-soċjoloġija, l-ekonomija, l-istudju demografiku, kif ukoll rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, min iħaddem, il-ħaddiema u l-NGOs.
Temm jgħid li jekk ikun Kap tal-PN u tal-Oppożizzjoni, se jaħdem biex il-PN jerġa’ jsir aġent, u ma jibqax spettatur, tal-bidliet soċjali f’Malta.