Studju Proprjetà: Jaqblu li jippubblikawh, imma jridu jikkonsultaw

Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA), Sandro Chetcuti, qal ma’ Newsbook.com.m li waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-MDA lbieraħ, intlaħaq qbil unanimu biex qabel jippubblikaw l-istudju li l-KPMG għamlet għalihom iridu jikkonsultaw mal-istess KPMG u ma’ diversi banek.
Skond Chetcuti ma tistax tippubblika l-istudju “bl-addoċċ”. Dil-ġimgħa, waqt il-programm Follow Up fuq RTK, Chetcuti qal li jaqbel li dan l-istudju jiġi ppubblikat, iżda d-deċiżjoni finali ma kienx se jeħodha waħdu.
Illum Chetcuti sostna li m’hemm xejn li jridu jaħbu minn dan l-istudju, u m’għandhom ebda oġġezzjoni li jkun skrutinizzat minn kulħadd.
Barra minn hekk, fi stqarrija li ħarġet illum, l-MDA qalet li se tkun qed tfittex l-approvazzjoni tal-entitajiet li jsostnuha sabiex jiskattaw diskussjoni nazzjonali u mifruxa fuq il-kostruzzjoni u l-proprjetà.
Waqt il-programm Follow Up imxandar fuq l-RTK, il-membri tal-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) u Chetcuti sar qablu li ssir laqgħa bejn il-Kummissjoni Ambjent u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi.
Illum Chetcuti qal lil Newsbook.com.mt li waqt il-laqgħa tal-bieraħ  tal-kumitat qablu li huwa importanti li ssir din il-laqgħa.