Studju: M’hemm l-ebda biża’ li l-futsal jista’ jieħu post il-futbol

Wara li kienu avversarji bħala kowċis tal-futsal għal perjodu ta' żmien, tlett snin ilu Claudio Azzopardi u Keith Borg, iddeċidew li jibdew riċerka kif tista' titjieb il-logħba tal-futsal hawn Malta.
Din ir-riċerka kienet parti mill-Baċellerat tagħhom dwar Sport u Ħajja Attiva.
Il-logħba tal-futsal hija relattivament ġdida għal Malta, u għalhekk dan l-istudju se jgħin mhux ftit sabiex din il-logħba u l-interess fiha jkompli jikber.
Azzopardi u Borg bdew il-kuntatti mal-assoċjazzjoni tal-football fl-Ingilterra, li kienet bdiet bi proġett simili madwar 10 snin qabel.
Telgħu darbtejn l-Ingilterra fejn iddiskutew l-iżvilupp tal-futsal ma' persuni li għenu mhux ftit sabiex dan il-pajjiż, fejn il-passjoni tal-futbol hija dominanti, jimbarka fuq proġett mifrux fuq livell ta' grassroots.
Ir-riċerkaturi Maltin, irnexxielhom fost l-oħrajn jiltaqghu ma' Pete Sturgess u Micheal Skubala (kowċis nazzjonali fl-Ingilterra u UEFA instructors), fejn kienu strumentali għal dan il-proġett ambizzjuż, kif ukoll ma' nies oħra professjonali li jieħdu ħsieb l-iżvilupp ta' din il-logħba.
L-Ingliżi min-naħa tagħhom, urew is-sodisfazzjon tagħhom li l-logħba tal-futsal telgħet fuq l-agenda tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Football fejn ftit ġimgħat ilu ġie imniedi proġett strutturali li għandu jsir ġewwa Ta' Qali kif filfatt tħabbar waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-MFA.
Iżda f`din ir-riċerka joħrog b' mod ċar li hemm bżonn qafas ġdid u din il-logħba għandha tinfirex madwar in-nurseries f`Malta kif ukoll Għawdex u għandha tiġi introdotta minn eta żgħira ta' bejn 6-7 snin.
Mir-riċerka, wieħed ta' min jinnota li huma ftit dawk it-timijiet li jagħtu tomgħa ta' din il-logħba, tant li kien biss is-sena l-oħra li għall-ewwel darba ġie introdott festival għal tfal ta' tnax-il sena fejn ingħataw iċ-ċans jilagħbu l-futsal.
Claudio Azzopardi u Keith Borg isostnu li għandha ssir promozzjoni qawwija u titneħħa l-biża' li l-futsal qatt xi darba jista' jieħu post il-futbol.
Filfatt, l-istudju juri, li l-logħba tal-futsal hija kumplimentari għall-futbol speċjalment mil-lat tekniku.
Joħroġ ukoll b'mod ċar li hemm bżonn ta' introduzzjoni f'dak li għandu x'jaqsam ma' taħriġ għal coaches, sabiex jibdew jifhmu aħjar din il-logħba, kif ukoll għandu jsir investiment finanzjarju f'dak li għandu x'jaqsam mal-ammnistrazzjoni professjonali.
Apparti li dan l-istudju fih diversi rakkomandazzjonijiet, tissemma' fost l-oħrajn l-importanza dwar il-limitazzjonijiet tal-plejers barranin, tant li r-rakkomandazzjoni hija li n-numru ta' barranin jinżel għal dak ta' player wieħed f'kull tim, kif ukoll l-introduzzjoni li jkun hemm reġistrati minimu ta' żewġ players taħt it-23 sena matul l-istaġun.
Azzopardi u Borg isostnu wkoll, li anke l-ħlas għall-parteċipazzjoni għandha titnaqqas u li għandu jkun hemm aċċess għall-indoor facilities speċjalment dawk immexxijin mill-Gvern ċentrali. Apparti li fir-rakkomandazzjonijiet hemm ukoll dwar il-format tal-league, isir enfasi li l-futsal għandu jiġi introdott b'mod konkret fl-iskejjel.