Nies twal huma aktar fir-riskju tal-kanċer

Persuni twal huma aktar fil-periklu li joħorġilhom kanċer għax huma akbar, allura għandhom aktar ċelloli f’ġisimhom li fihom tista’ tinħoloq din il-marda.

Dan skont riċerka ġdida ppubblikata fil-ġurnal Proceedings of the Royal Society B. Instab li għal kull 10 ċentimetri ta’ tul fil-bnedmin, ir-riskju jiżdied b’10%. Sejba simili saret ukoll fil-klieb, fejn instab li razez ikbar għandhom riskju akbar ta’ din il-marda. L-aktar tip ta’ kanċer relatat mat-tul huwa dak l-kanċer fil-ġilda.

Ix-xjentisti spjegaw li ċerti ormoni jaffettwaw kemm it-tul u anke l-kanċer, u li fatturi bħan-nutrizzjoni tal-persuni meta jkunu għadhom tfal jistgħu jaffettwaw.

Leonard Nunney, professur tal-bijoloġija fl-Università ta’ California Riverside, qal li ipoteżi minnhom kienet li xi ħaġa tiġri fi stadju bikri f’ħajjet il-bniedem li tagħmillu ċ-ċelloli tiegħu aktar suxxettibbli għall-kanċer, u tikkawżalu li jitwal aktar, iżda issa x-xjentisti qegħdin jaħsbu li r-raġuni hi li n-nies twal għandhom aktar ċelloli li fihom jista’ joħroġ il-mard. Dan deher fi 18 mit-23 każ ta’ kanċer li hu rriċerka.

Minkejja li l-istudju ta’ Nunney qed jittieħed b’serjetà, Georgina Hill minn Cancer Research UK qalet li ftit hemm aktar probabbiltà ta’ kanċer minħabba t-tul fil-bniedem, u xorta waħda wieħed jista’ jipprevjeni r-riskju tal-kanċer billi jkollu dieta tajba u ma jpejjipx.