Pazjenti tal-COVID-19 jibqgħu bis-sintomi xhur wara li jkunu mardu – studju

Iżjed minn nofs il-pazjenti morda bil-COVID-19 u li ħarġu mill-isptar baqgħu jesperjenzaw sintomi ta’ qtugħ ta’ nifs, għajja, ansjetà u dipressjoni sa xahrejn jew tlett xhur wara l-infezzjoni inizjali, skond studju li sar fir-Renju Unit.

Ir-riċerka, immexxija minn xjentisti mill-Università ta’ Oxford tat ħarsa lejn l-impatt fit-tul ta’ COVID-19 fuq 58 pazjent li kienu l-isptar wara li mardu bil-pandemija.

Mill-istudju, instab li wħud mill-pazjenti kellhom anomaliji f’organi differenti wara li kienu infettati bil-coronavirus u li infjammazzjoni persistenti kompliet tikkawżalhom xi problemi għal ftit xhur.

L-istudju ma ġiex evalwat minn xjentisti oħra iżda ġie ppubblikat qabel reviżjoni fuq il-websajt MedRxiv.

“Dawn is-sejbiet jenfasizzaw il-ħtieġa li nistudjaw aħjar il-proċessi fiżjoloġiċi marbuta ma’ COVID-19 sabiex inkunu nisgħu niżviluppaw mudell ta’ kura klinika ħolistika u integrata b’riżq il-pazjenti tagħna wara li dawn joħorġu mill-isptar,” qalet Betty Raman, tabib fid-Dipartiment tal-Mediċina ta’ Oxford Radcliffe li kienet fost dawk li mexxew ir-riċerka.

Rapport inizzjali mill-Istitut Nazzjonali għar-Riċerka dwar is-Saħħa (NIHR) tar-Renju Unit ippubblikat il-ġimgħa li għaddiet, wera li l-mard li jibqa’ għaddej wara infezzjoni b’COVID-19, li xi kultant jissejjaħ “COVID twil”, jista’ jinvolvi firxa wiesa’ ta’ sintomi li jaffettwaw il-partijiet kollha tal-ġisem u l-moħħ.

Ir-riżultati li ħarġu minn dan l-istudju ta’ l-Università ta’ Oxford urew li sa xahrejn jew tlett xhur wara li tkun qabdithom il-COVID-19, 64% tal-pazjenti batew minn qtugħ ta’ nifs persistenti u 55% rrappurtaw għajja sinifikanti.

Scans ta’ l-MRI urew anomaliji fil-pulmuni f’60% tal-pazjenti COVID-19, fil-kliewi ta’ 29% tal-pazjenti, fil-qalb ta’ 26% u fil-fwied ta’ 10%.

“L-anomaliji li nstabu … għandhom rabta b’saħħitha mal-markaturi tas-serum ta’ infjammazzjoni,” qalet Raman. “Dan juri li potenzjalment teżisti rabta bejn l-infjammazzjoni kronika u l-ħsara li tkun qed issir fl-organi ta’ dawk li jkunu fiequ mill-marda.”