Studju jsib li l-COVID-19 jikkawża ħsara l-qalb

Skont żewġ studji ta’ riċerka Ġermaniżi instabet evidenza li tissuġerixxi li l-coronavirus iħalli mpatt fuq il-qalb. Dan ir-riżultat qajjem ħafna tħassib fost il-kardjoloġisti li diġa jinsabu nkwetati dwar il-ħsara fit-tul li l-Covid-19 jista’ jħalli fuq il-qalb.

L-evidenza minn din ir-riċerka turi anormalitajiet fil-qlub ta’ diversi pazjenti li sofrew mill-Covid-19 allavolja dawn fiequ mill-virus.

L-ewwel studju inkluda 100 pazjent mill-Università tal-Isptar ta’ Frankfurt. Dawn il-100 pazjent, li l-età tagħhom tvarja bejn l-40 u 50 sena, kienu kollha b’saħħithom. Bħala parti mill-istudju dawn il-100 pazjent għamlu dak li hu magħruf bħala ‘cardiac magnetic resonance imaging’ xahrejn u nofs wara li kienu mardu u ġew ikkumparati mal-istess riżultati ta’ nies li qatt ma mardu bil-Covid-19.

L-istudji sabu diversi anormalitajiet fil-qlub ta’ 78 pazjent. 60 pazjent kellhom sinjali ta’ infjammazjoni fil-muskolu ta’ qalb minħaba l-virus. L-istudju sab li l-maġġoranza tal-pazjenti ma kellomx sintomi ta’ dawn l-anormalitajiet u li nstabu biss permezz tal-MRI.

Fil-konklużjoni tal-istudju ntqal li dan ma jfissirx li l-Covid-19 tikkawża l-attakk tal-qalb, imma jidher li l-virus jista’ jikkawża ħsara fil-qalb. Iż-żewġ studji ġew ippubblikati fuq il-Jama Cardiology Journal.