Studju jissuġġerixxi li l-coronavirus kien fl-Italja f’Diċembru tal-2019

Reuters

Xjentisti fl-Italja sabu traċċi tal-coronavirus il-ġdid f’ilma tad-drenaġġ li nġabar minn Milan u Turin f’Diċembru tal-2019. Dan jissuġġerixxi li l-COVID-19 diġà kien qed jiċċirkola fit-Tramuntana tal-Italja qabel ma ċ-Ċina rrapportat l-ewwel każi.

Skont ir-Reuters l-Istitut Nazzjonali tas-Saħħa Taljan ħares lejn 40 kampjun tad-drenaġġ li nġabru minn impjanti tat-trattament tal-ilma tad-drenaġġ bejn Ottubru 2019 u Frar 2020. Analiżi rilaxxata tard ilbieraħ qalet li l-kampjuni li ttieħdu f’Milan u Turin fit-18 ta’ Diċembru wrew il-preżenza tal-virus SARS-CoV-2.

L-epidemjoloġista Rowland Kao qal li din is-sejba ma turix jekk il-każijiet ta’ Diċembru kinux is-sors tal-epidemija kbira tal-Italja jew jekk din kinitx riżultat ta’ introduzzjoni tal-virus f’punt aktar tard.