Studju jindika li aktar minn nofs l-investiment barrani huwa fantażma

Miguela Xuereb

Read in English.

Aktar minn nofs investiment barrani f’Malta huwa fantażma. Hekk stqarru l-ekonomisti Daniżi f’riċerka li ppubblikaw fl-aħħar jiem u li ġiet irrappurtata fil-gazzetta Financial Times. Huma qalu li inqas minn nofs l-investiment barrani (FDI) f’Malta huwa “ġenwin”.

Spjegaw li proporzjon imdaqqas tal-investiment dirett barrani li jeżisti madwar id-dinja huwa ffurmat minn kapital fantażma ddisinjat biex itaffi t-toqol tat-taxxi fuq il-kumpaniji minflok jgħin biex jiffinanzja l-produttività.

Ir-riċerkaturi qalu li kważi nofs tal-investiment fantażma jinsab fil-Lussemburgu u fin-Netherlands. Bħal f’Malta, l-Irlanda u l-Isvizzera għandhom inqas minn nofs l-investiment barrani li huwa “ġenwin”, bl-awturi tar-riċerka jinkludu wkoll għadd ta’ territorji barranin Brittaniċi u d-dipendenzi tal-kuruna.

Il-Financial Times irrappurtat kif l-investiment barrani tad-dinja kollha jiswa total ta’ €13.59 ($15) triljun u 40% minnu “jgħaddi minn shells korporattivi vojta” mingħajr “l-ebda attività kummerċjali ta’ veru”.

L-istudju sar mill-ekonomisti tal-Fond Monetarju Internazzjonali u mill-Università ta’ Copenhagen.

Ir-riċerka saret fi żmien fejn il-Gvernijiet fl-Unjoni Ewropea u madwar id-dinja qed jaħdmu kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus.

L-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku, l-OECD ġiet afdata bi pjan biex sas-sena d-dieħla tidentifika soluzzjonijiet li jkunu aċċettati globalment.