Fl-2018 għad hawn postijiet importanti mhux aċċessibbli għal kulħadd

Minn tal-inqas erba’ postijiet pubbliċi fil-Belt mingħajr aċċess adegwat għal min juża s-siġġu tar-roti lbieraħ għamlu t-traġitt lil persuna mhux daqstant feliċi kemm stenniet.
Ronald Balzan, persuna li tuża s-siġġu tar-roti, kitbet fuq Facebook li flimkien ma ħabib tiegħu marru sal-Belt għal xi qadjiet, imbagħad wara kellhom f’moħħhom li jieklu xi ħaġa.
Madankollu jidher li fl-erba’ postijiet li Balzan ried jinqeda minnhom ma sabx aċċess għas-siġġu tar-roti.

Il-postijiet li jsemmi huma ffrekwentati minn ħafna nies. Isemmi ħanut tal-istationery, il-posta, stabbilment tal-istampa u ħanut famuż tal-ikel u bżonnijiet oħra.
Balzan jirrakkonta li, tal-inqas, finalment seta’ jinqeda kif sippost mis-Suq tal-Belt, li hu aċċessibbli.
Oliver Scicluna, li llum hu Kummissarju għall-Persuni b’Diżabbiltà, ilu jitkellem mill-2014 għal aktar aċċessibiltà għal persuna li jużaw siġġu jew għodda oħra biex jiċċaqilqu.
Fil-post tiegħu Balzan jistaqsi x’inhu jżomm lil dawn l-istabbilmenti u oħrajn biex jagħmlu rampi għas-siġġu tar-roti, filwaqt li jirrimarka li l-għetiebi kultant huma għoljin iżżejjed, anki biex jipprova jitlagħhom bis-siġġu.
Enfasizza li l-postijiet li semma inzertaw fit-traġitt tiegħu, iżda bl-ebda mod ma jfisser li huma biss m’għandhomx aċċess adegwat.
Sadanittant, fis-sezzjoni tal-kummenti s-Sindku tal-Belt, Alexiei Dingli, qal li xi żmien ilu kien tkellem mal-Kummissarju Scicluna dwar il-possibiltà li jsir studju dwar l-aċċessibbiltà fil-Belt Valletta.
Oliver Scicluna wieġeb meta qal li bl-istaff tekniku żgħir fil-Kummissarjat diffiċli biex dan isir. Madankollu jaqbel li jsir.
Scicluna enfasizza aktar tard li l-awditjar ma sarx mhux biss minħabba nuqqas ta' staff, imma wkoll biex jgħaddu messaġġ lil entitajiet privati f'dax-xogħol li mhux se jagħmlilhom xogħolhom il-Kummissarjat.
Is-Sindku tal-Belt ippropona li l-proġett jieħu spinta bil-crowd sourcing, jiġifieri inizjattiva fejn in-nies iwasslu l-isfidi li ltaqgħu magħhom lill-Kummissjoni, u b'ħidma mal-Kunsill Lokali tal-Belt tinħoloq bħal mappa b'dejta dwar l-isfidi.
Din id-dejta, miġbura min-nies stess, tkun tista' tiffranka u tpatti għan-nuqqas ta' staff tekniku fil-Kummissarjat.