Studju dwar il-kosta ta’ Għawdex u Kemmuna

Intemm l-istudju li sar dwar il-ġeoloġija tal-kosta ta’ Għawdex u Kemmuna, li sar bl-għawm fl-ambitu tal-proġett ‘Geoswim 2.0 – Geoswim comes to Malta’.

Dan l-istudju li sar fuq il-mekkaniżmu tal-erożjoni tal-kosta, il-varjazzjoni tal-livell tal-baħar, il-ħolqien tal-għerien taħt il-baħar u n-nixxiegħat tal-ilma ħelu, tmexxa minn Stefano Furlani mill-Universita’ ta’ Trieste.

Il-grupp kien magħmul ukoll minn Fabrizio Antonioli mill-ENEA u Timmy Gambin mill-Universita’ ta’ Malta, flimkien ma’ erba’ studenti mid-Dipartiment tal-Matematika u l-Geo-Xjenza minn Trieste.

Kien Furlani li għażel li jagħmel dan l-istudju f’Malta għaliex qatt ma kien sar studju bħal dan minħabba d-diffikultajiet madwar il-kosta.

Dawk kollha involuti f’dan il-proġett għamu madwar 70 kilometru mal-kostra tal-gżejjer ta’ Għawdex u Kemmuna, fejn ġibdu magħhom dgħajsa żgħira modifikata biex iġġorr kameras żgħar, sistema tal-GPS u tagħmir ieħor li jirreġistra l-kundizzjoni kimo-fiżika tal-baħar.

Geoswim huwa proġett ta’ riċerka li għandu l-għan li jistudja l-ġeoloġija tal-kosta tal-Mediterran bl-għawm.