Studju dwar id-dħul bażiku tal-għajxien tal-Maltin

Kian Bugeja (DOI)

Read in English.

Il-Ministeru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru kkummissjona rapport tekniku dwar id-dħul bażiku tal-għajxien.

Dan tħabbar mill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, li hu responsabbli mid-djalogu soċjali u mill-kundizzjonijiet tax-xogħol, waqt laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD).

“L-għan li nistudjaw il-kunċett ta’ living income bażiku huwa li nassiguraw dħul aktar diċenti għal kulħadd,” qal il-Ministru Abela.

Il-Ministru qal li l-Ekonomista Prof. Joe Falzon se jagħmel din ir-riċerka, li se jibdieha billi jħares lejn l-esperjenza ta’ pajjiżi oħra b’rabta ma’ dan il-kunċett. Huwa se jagħti wkoll stimi preliminari ta’ kemm jista’ jiġi jiswa l-aktar mudell ideali ta’ living income bażiku għal Malta, u kif dan jitqabbel ma’ sistemi ewlenin tas-sigurtà soċjali li huma offruti bħalissa. Dak li joħroġ minn din ir-riċerka se jigi ppreżentat lill-membri tal-MCESD għal iżjed diskussjoni.

Riċentament saru laqgħat separati ma’ kull imsieħeb soċjali fl-isfond tal-iżviluppi riċenti li jolqtu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, kif ukoll minħabba l-bżonn ta’ reviżjonijiet tal-liġi u strutturi legali oħra b’rabta mal-kundizzjoniet tax-xogħol. Minħabba f’hekk, qed jitwaqqaf kumitat apposta tal-MCESD dwar ix-xogħol mid-dar.

Il-Ministru qal li fadal xi jsir dwar il-ħlas mhux ugwali bejn in-nisa u l-irġiel, u ppropona li jinħatar kumitat ieħor boex jieħu ħsieb dil-kwistjoni.