Studju biex jidentifikaw l-isfidi tal-għalliema

Se jkun qed isir studju xjentifiku fost l-għalliema fis-settur tal-iskejjel tal-istat. Dan ħabbruh il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo u l-President tal-Malta Union of Teachers Marco Bonnici. Skont stqarrija maħruġa mill-Ministeru kkonċernat, permezz tal-istudju, se jiġu identifikati l-isfidi immedjati li l-edukaturi fi gradi diversi jħabbtu wiċċhom magħhom.

Ir-rapport mistenni jkun finalizzat f’Marzu tal-2020.

Dan se jsir bil-għan li l-għalliema jkollhom esperjenza aħjar fl-iskola, titjieb l-esperjenza u l-kontribut edukattiv tal-għalliema. B’hell mal-għalliema jkunu qed igawdu wkoll l-istudenti.

Il-Ministru Bartolo qal li Malta għandha vantaġġ għall-fatt li l-għalliema fil-maġġoranza huma żgħażagħ. Skont Bartolo permezz tal-istudju fis-snin li ġejjin f’Malta ma jkunx hawn nuqqas ta’ għalliema.

Il-President tal-MUT Marco Bonnici qal li jispera li malli jitlesta r-rapport, wieħed jimxi għall-pass li jmiss, dak li jintwera aktar rispett lejn il-professjoni billi jkomplu jibnu fuq l-aspetti pożittivi u jillimitaw l-aspetti negattivi.