Is-separazzjonijiet fil-familji żiedu l-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali – Galdes

Miguela Xuereb

Il-Ministru tal-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li s-separazzjonijiet fil-familji komplew jiggravaw il-problema fl-akkomodazzjoni soċjali.

Huwa kien qiegħed jitkellem fid-dibattitu tal-estimi finanzjajri għall-Akkomodazzjoni Soċjali. Galdes qal li l-faqar m’għadux il-problema tal-akkomodazzjoni soċjali iżda s-separazzjonijiet fil-familji li ż-żwieġ tagħhom ikun falla.

Huwa qal li fil-baġit li għadda l-gvern alloka l-akbar somma f’dan il-qasam. Galdes qal li baġit allokat din is-sena kien ta’ aktar minn €28 miljun. Spjega li s-somma addizzjonali ta’ €110 miljun hija biex jinbnew 1,700 appartament.

Fil-Parlament il-Ministru qal li aktar minn 26,000 ftehim tal-kera ġew irreġistrati mal-Awtorità tad-djar fl-ewwel sitt xhur minn meta nbidlet il-liġi tal-kera.

Galdes qal li fl-aħħar snin il-Gvern qassam aktar minn 1,000 appartament u għalhekk il-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali tinsab fl-inqas li kienet

Studenti universitarji jittallbu l-ikel mill-foodbank – Ivan Bartolo

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Ivan Bartolo fetaħ id-dibattitu fuq estimi tal-Akkomodazzjoni Soċjali billi qal li studenti tal-Università u l-MCAST qegħdin imorru l-foodbank għall-ikel.

Huwa qal li f’Malta kien hemm madwar 83,000 persuna li jinsabu f’riskju ta’ faqar u fost dawk li kienu fil-klassi medja issa jinsabu wkoll f’riskju ta’ faqar.

Bartolo semma li l-persuna li kienet instabet mejta fil-karozza f’Birkirkara turi li dawk li jinsabu fil-bżonn ta’ saqaf, ikel u n-neċessitajiet bażiċi mhumiex qegħdin isibu għajnuna mill-Gvern.

Żied li Gvern jidher li huwa viżibilment għajjien u mingħajr ideat u issa huwa żmien li jkun hawn bidla.

Il-Membru Parlamentari Claudette Buttigieg ressqet suġġeriment biex il-Gvern ibiddel it-termini u l-kundizzjonijiet tal-iskema tal-Home Assist Loan. Hija qalet li huwa impossibbli li wieħed jixtri propjetà abitabbli għall-€140,000 u għalhekk qiegħda tagħmilha impossibbli li l-koppji jagħmlu użu minn din l-iskema.

Il-kuntratturi għandhom jagħtu numru ta’ appartamenti lill-Gvern bħala grazzi – Marlene Farrugia

Il-Membru Parlamentari Marlene Farrugia qalet li l-kuntratturi tal-bini għandhom jagħtu numru ta’ appartamenti lill-Gvern bħala grazzi biex jintużaw bħala akkomodazzjoni soċjali.

Hija qalet li fl-2013, il-Partit Laburista qal li se jkun qiegħed jaħdem fuq proġett biex isolvi l-problema ta’ lista ta’ stennija ta’ dawk kollha li għandhom bżonn saqaf fuq rashom.

Hija fakkret li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien qal li l-ewwel €50 miljun mill-iskema taċ-ċittadinanza kellhom immorru għall-akkomodazzjoni soċjali. Żiedet li ħames snin wara, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna nieda proġett ta’ €60 miljun.