​Studenti Universitarji jiswew lill-istat mal-€5,300 fis-sena

L-istudenti Universitarji jiswew lill-istat medja ta’ €5,300 fis-sena.
L-informazzjoni ħarġet fil-Parlament fi tweġiba tal-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo għal Mistoqsija Parlamentari.
Il-Ministru spjega li fis-sena akkademika 2010-2011, kull student tal-Mediċina ġie jiswa €5,769 waqt li kull student fil-kors tal-għalliema ġie jiswa €5,023.
Fis-sena akkademika ta’ wara, kull student tal-Mediċina ġie jiswa €5,877 waqt li kull student tal-B.Ed ġie jiswa €4,735.
Il-Ministru spjega li hu diffiċli li wieħed jikkalkula eżatt kemm jiġi jiswa kull student fuq il-perjodu kollu li jkun qed jieħu t-tagħlim tiegħu minħabba li l-ispejjeż tal-Università jiżdiedu bl-għoli tal-ħajja u skont il-ftehim kollettiv irrispettivament mill-għadd ta’ studenti. Hemm ukoll spejjeż oħra li l-għadd ta’ studenti jaffettwa b’mod dirett u indiriett.
Evarist Bartolo spjega li fil-fatt, it-tnaqqis fl-ispiża għall-kors tal-għalliema seħħ minħabba żieda fl-għadd tal-istudenti.