Studenti universitarji jilmentaw dwar riżultati li għadhom ma ħarġux

Il-Kunsill tal-Istudenti Universitarji (KSU) qal li xi studenti tal-Università ta’ Malta lmentaw li ċertu riżultati għadhom ma ġewx ippubblikati.

Fi stqarrija, il-KSU qal li għamel kuntatt mal-Fakultajiet konċernati u mal-Uffiċċju tar-Reġistratur. Il-Kunsill qal li jistenna li dawn ir-riżultati jiġu ppubblikati mill-aktar fis possibbli.

“Il-KSU tisħaq li dan huwa tard ħafna u li hu raġonevoli li r-riżultati kollha tal-inqas jiġu ppubblikati sal-aħħar ta’ Lulju”.

Il-KSU qalet li l-Università għandha tgħid sa meta għandhom ikunu ppubblikati ċertu riżultati biex l-istudenti “jkollhom serħan il-moħħ”.