Studenti Universitarji jilmentaw fuq nuqqas ta’ demokrazija

Fi stqarrija, l-Istudenti Demokristjani Maltin (SDM) ilmentat li l-posponiment tal-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali għas-sena 2019 tnaqqas id-demokrazija fost istituzzjonijiet bħalma huma l-kunsilli lokali.
L-SDM, li hi l-ikbar organizzazzjoni studentesta tal-Università, sostniet li hu kontradittorju kif wara li l-Gvern nieda l-kampanja tal-Vote 16, bl-għan li persuni bejn is-16 u t-18-il sena jkollhom vot fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali, issa qed jippjana li jipposponi l-elezzjonijiet tas-sena d-dieħla.
L-organizzazzjoni qalet li se tipparteċipa b’mod attiv fil-proċess ta’ konsultazzjoni tal-gvern. Hi se tipprapara dokument dettaljat tax-xenarju preżenti u se tipproponi wkoll numru ta’ modi kif il-Gvern jista’ jikkombatti l-“electoral fatigue”.
L-SDM sostniet ukoll li l-posponiment tal-elezzjonijiet b’ebda mod ma jnaqqas dan l-“electoral fatigue” iżda dan iwassal biss għal sfiduċja tal-elettorat fil-kunsilli lokali.