Studenti tax-xjenzi tas-saħħa jgħinu lill-helpline u fl-attività fiżika

Facebook - MHSA

Għadd ta’ studenti tal-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa qed jgħinu b’modi differenti fil-ġlieda nazzjonali kontra l-coronavirus. Fost affarijiet oħra qed jgħinu lill-helpline 111 u qed jippromwovu l-attività fiżika.

Newsbook.com.mt tkellem mal-President tal-Malta Health Students’ Association (MHSA) Karen Louise Stoner li spjegat kif qed jgħinu l-istudenti tal-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa fi ħdan l-Università ta’ Malta.

Stoner qalet li l-istudenti qed jgħinu b’mod volontarju lill-helpline tal-111. Fost il-ħidma tagħhom mal-helpline jkunu qed jgħinu fil-contact tracing u d-data management.

Stoner qalet lil Newsbook.com.mt li kien hemm ukoll sejħa għall-istudenti tal-korsijiet tal-infermiera u tar-radjografi biex jgħinu fl-isptar. Dawn se jkunu qed jitħallsu però s-sigħat ma jkunux jgħoddu għall-placements tagħhom.

L-istudenti infermiera se jkollhom għażla jekk iridux jaħdmu f’postijiet fejn ikun hemm pazjenti tal-coronavirus, skont Stoner.

“Il-Fakultà offriet l-appoġġ kollu tagħha lill-istudenti speċjalment il-gradwati biex jiffaċilitaw il-gradwazzjoni tagħhom, inkluż is-sigħat. Dan ma jinkludix il-kuntratt peress li qed jiġi organizzat mill-IPS bħala traineeship part-time,” spjegat Stoner.

Newsbook.com.mt staqsa lil Stoner jekk l-MHSA hix favur li s-sigħat tal-istudenti ma jkunux jgħoddu għall-placements tal-istudenti. Stoner qalet li l-għaqda se tkun qed tappoġġja d-deċiżjonijiet tal-Fakultà.

QuaranTrain – Sit għas-saħħa fiżika u mentali

Għadd ta’ studenti tal-fiżjoterapija mill-Università ta’ Malta issieħbu wkoll fil-proġett internazzjonali QuaranTrain. Skont is-sit quarantrain.org, il-proġett kien l-idea ta’ grupp ta’ studenti tal-fiżjoterapija fl-Olanda. Iddeċidew li jiftħu sit biex jippromwovu s-saħħa fiżika u mentali tan-nies fid-dawl tal-pandemija tal-coronavirus. Minn Malta qed jieħdu sehem l-istudenti Karen Louise Stoner, Nicole Chircop, Sophie Camilleri, Daryl Azzopardi, Bernard von Brockdorff, u Kelly Fenech. Qed jieħu sehem ukoll Dr John Xerri de Caro li huwa fiżjoterapista.

L-MHSA b’riċetti sustanzjużi

Intant filwaqt li l-istudenti qed jibqgħu d-dar minħabba l-għeluq tal-Università sa Ġunju, l-għaqda MHSA qed tippubblika għadd ta’ riċetti fuq il-midja soċjali li wieħed ikun jista’ jipprova f’daru. Wieħed jista’ jsib dawn ir-riċetti fuq il-paġna tal-Facebook tal-għaqda studenteska.

L-istudenti tal-Università jaf jingħataw estensjoni tad-data ta’ meta jridu jisottomettu t-teżijiet tagħhom, skont kelliem għall-Università ta’ Malta.

Newsbook.com.mt staqsa lill-Università jekk hux se jkunu estiżi d-dati għas-sottomissjonijiet tat-teżijiet tal-istudenti tal-baċċellerat, master’s degree, u PhD.

“L-istudenti ġew mgħarfa li jistgħu jissottomettu t-teżijiet tagħhom b’mod elettroniku permess tal-VLE u dan sabiex kemm jista’ jkun, il-proċess tal-ikorreġar tal-istess teżijiet jimxi b’ritmu normali,” qal kelliem għall-Università. Żied jgħid li madanakollu, is-Senat informa lill-Fakultajiet, Istituti, Ċentri u Skejjel, li jistgħu jikkunsidraw “li jestendu d-deadline ta’ meta l-istudenti huma mistennija li jissottomettu t-teżijiet tagħhom.”

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn