Segwi l-filmat: Studenti tas-Sekondarja jaħdmu biex iħeġġu l-għoti tad-demm

Ħames studenti tal-Form 3 mill-iskola sekondarja tal-bniet f’Ħal Tarxien qed jipparteċipaw f’kompetizzjoni nazzjonali għax-xjentisti żgħażagħ. It-tema li għażlu hija l-għoti tad-demm.

Dawn l-istudenti tkellmu ma’ Newsbook. Spjegaw x’qed jagħmlu u qalu li sabiex jitgħallmu dwar is-suġġett, żaru l-Bank Nazzjonali tad-Demm. Saħansittra għamlu kwestjonarji li qassmuhom lil pubbliku fil-Belt Valletta. Bħalissa qed jistudjaw ir-riżultati ta’ dan il-kwestjonarji.

L-istudenti ħolqu wkoll simbolu u motto dwar l-għoti tad-demm.

Peress li jafu sewwa li l-eżempju jkaxkar, ġabu wkoll il-mobile unit taċ-ċentru ta’ trasfusżjoni tad-demm qrib l-iskola, u ħeġġew lill-għallime jagħtu d-demm.

Jekk jirbħu l-kompetizzjoni fuq livell nazzjonali, l-istudenti se jikkompetu barra minn Malta. Sabiex jingħataw l-edukazzjoni meħtieġa dwar is-suġġett, qed jaħdmu id f’id maċ-ċentru mal-infermier miċ-Ċentru Nazzjonali tat-Trasfuzjoni tad-Demm, Tony Micallef.