Studenti Taljani jipprotestaw kontra esperjenzi ta’ xogħol

Eluf ta’ studenti Taljani niżlu fit-toroq jipprotestaw kontra xogħol li tqabbdu jagħmlu bħala parti mill-kors tagħhom u li skonthom ftit jgħinhom għax-xogħol prospettiv tagħhom.
L-istudenti niżlu fit-toroq ta’ 70 belt u qed isejħu din il-protesta, li ġiet organizzata minn fuq il-midja soċjali, bħala “strike”
Unjins tal-istudenti qed jipprotestaw ukoll għax għal dan ix-xogħol l-istudenti mhux qed jitħallsu u qed jargumentaw li dan huwa sfruttament.
L-istudenti qed iħeġġu lill-Gvern biex jirregola l-esperjenzi fuq il-post tax-xogħol u biex ikun hemm kodiċi ta’ etika għal dawk il-kumpaniji li jilqgħu studenti.
Huma qed jisħqu li dawn l-esperjenzi ta’ xogħol għandhom joffrulhom taħriġ ta’ kwalità u li jiswihom għall-futur.
Minn tal-inqas 95% tal-iskejjel, jiġifieri madwar 900,000 student, ipparteċipaw fi skemi ta’ esperjenzi fuq il-post tax-xogħol.
Matul il-protesti, kien irrappurtat ukoll xi vandaliżmu fuq dawk li l-istudenti ddeskrivew bħala simboli tal-isfruttament kapitalista, fosthom il-binja tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Milan, ristorant tal-McDonald’s u anke ħwienet tal-ħwejjeġ.
Ilbieraħ għadd ta’studenti Maltin tkellmu ma’ Newsbook.com.mt dwar l-offerta tal-Ministeru tal-Edukazzjoni biex jaħdmu part-time u jimlew il-vojt ta’ għalliema. Ħafna kienu kontra din id-deċiżjoni  għax qalu li ma jħallqux jaħdmu u jistudjaw fl-istess ħin.