​Studenti universitarji jirċievu telefonati “anonimi”

L-Istudenti Demokristjani Maltin l-SDM qed isejħu lill-Kummissjoni Elettorali sabiex tinvestiga telefonati “anonimi” li qed isiru lil xi studenti jistaqsuhom dwar l-elezzjonijiet tal-KSU. 
L-SDM qalet li qed jaslulhom għadd ta’ ilmenti minn studenti li qed jirċievu telefonati jistaqsu mistoqsijiet dwar l-elezzjonijiet tal-Kunsill Studenti Universitarji l-KSU li se jsiru jumejn oħra. 
L-SDM ippreċiżat li dawn it-telefonati qed isiru minn individwi anonimi fejn meta jintalbu jgħidu min huma, m’huma qed jagħtu l-ebda risposta jew saħansitra jaqtgħu l-linja.
Għadu mhux magħruf min ikkummissjona dan l-istħarriġ jew minn fejn ġabu n-numru tal-mowbajl tal-istudenti. 
Skont l-SDM ħafna mill-istudenti jinsabu urtati u mħassba għall-mod kif l-informazzjoni privata dwarhom waslet għand min qed jagħmel dan l-istħarriġ.