Aġġornata: Studenti tal-mediċina ggarantiti esperjenza fi sptar tal-Gvern

Il-Gvern u l-Università ta’ Malta laħqu ftehim li permezz tiegħu qed jiġi ggarantit post għal 200 student tal-Mediċina bħala placement mal-Gvern.
Dan ladarba tiftaħ l-università medika Barts u l-isptar San Luqa jibda jitħaddem mis-settur privat.
Kull sena s’issa n-numru ta’ studenti li daħlu għall-kors tal-mediċina ma qabiżx il-190.
Il-Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi qal li f’każ li n-numru jaqbeż il-200 student, isiru diskussjonijiet bejn il-partijiet.
Il-Ministru qal li mistennija jiġu ffirmati ftehim oħra ma’ entitajiet oħra fosthom l-Assoċjazzjoni Medika Maltija, il-unjin tal-infermiera u l-qwiebel, il-GWU u l-UĦM.
Il-ftehim ġie ffirmat mill-Ministru Konrad Mizzi u mir-Rettur tal-Università, il-Professur Juanito Camilleri.
Reazzjoni mill-UMASA
L-assoċjazzjoni li tiġbor fi ħdanha lill-ħaddiema akkademiċi tal-Università ta' Malta (UMASA) qalet li mhix konxja ta' dak li jgħid il-ftehim iffirmat u kif kuntratt ma' Vitals Global Healthcare jista' jaffettwa lill-membri tagħha. UMASA qalet li ngħatat assigurazzjoni mill-Università ta' Malta li l-ftehim ma jaffettwax il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema imma l-assoċjazzjoni żammet id-dritt li tieħu l-azzjoni meħtieġa f'każ li nkiser il-ftehim kollettiv.