Studenti tal-MCAST se jingħaqdu fi protesta silenzjuża

Dalgħodu studenti tal-MCAST se jkunu qed jingħaqdu fi protesta silenzjuża wara li l-Unjin tal-Għalliema (MUT) ressqet lista' ta' direttivi lill-membri tagħha fl-MCAST.
Il-protesta, li tibda fil-11:00 qed tiġi organizzata mill-organizzazzjoni studenteska Pulse.
F'Event fuq Facebook, Pulse saħqet li l-eżamijiet jinsabu wara l-bieb u l-istudenti qed jirrifjutaw li jintużaw bħala għodda għall-innegozjar.
Kien għalhekk li ddeċidew li jiltaqgħu quddiem l-Istudent House fil-11am għal din il-protesta.
Fost affarijiet oħra, l-MUT qed ħabbret strajk ta’ sagħtejn għall-Ħamis u l-Ġimgħa li ġejjin, apparti d-direttivi li jidħlu fis-seħħ mil-lum.
L-MUT qalet li wara laqgħat intensivi bejn l-Unjin, l-amministrazzjoni tal-MCAST u d-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali (IRU), huwa ċar li m'hemmx rieda mill-IRU biex jintlaħaq ftehim dwar kif il-letturi għandhom jingħataw dak li huma dovuti.
F’risposta għal dan, l-amministrazzjoni tal-MCAST qalet li tinsab “iddiżappuntata bil-qawwi” għall-fatt li l-MUT reġgħet lura għall-azzjonijiet industrijali.
Qalet li fid-dawl ta’ numru ta’ żviluppi u progressi fin-negozjati, l-azzjoni tal-MUT hija “sorprendenti u bħal sajjetta fil-bnazzi” minħabba li laqgħa oħra kienet skedata għal għada wara ftehim miż-żewġ naħat biex ikomplu d-diskussjonijiet.