Studenti tal-MCAST li fallew massimu ta’ 12-il kredit jistgħu jimxu għas-sena li jmiss

Studenti li qed jattendu xi kors l-MCAST se jkunu jistgħu jimxu għas-sena li jmiss fl-istudji tagħhom anke jekk fallew xi units li flimkien ma jaqbżux it-12-il kredit. Dan ikkonfermatu ma’ Newsbook.com.mt kelliema għall-MCAST wara li studenti lmentaw ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet dwar li ħafna studenti li fallew l-eżamijiet tagħhom b’parti mir-raġuni li taw kien għax ma kienx hemm biżżejjed lezzjonijiet online.

Il-kelliema għall-MCAST sostniet li mir-riżultati li hemm f’idejn l-istituzzjoni bħalissa, il-maġġoranza tal-istudenti għaddew għas-sena li jmiss. Il-kelliema kienet qed twieġeb mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt dwar kemm studenti fallew milli jigradwaw mill-ewwel għat-tieni sena tagħhom fl-MCAST. Hi qalet li għalkemm ħafna mill-assessjar sar online, minħabba s-sitwazzjoni tal-coronavirus xorta kien hemm units prattiċi li ġew posposti. Minħabba f’hekk m’hemmx statistika finali għal dan.

Ir-rata medja ta’ studenti li ġeneralment ikollhom jirrepetu xi units li jkunu fallew hija ġeneralment bejn 15% u 20%, qalet il-kelliema.

Il-kelliema rrimarkat li l-MCAST tifhem li din is-sena kienet waħda li ġabet sfidi kbar magħha u b’hekk offrew lezzjonijiet ta’ reviżjoni online tul is-sajf. Intant, l-istudenti se jkunu jistgħu jimxu għal-livell li jmiss u jagħmlu l-assessjar tal-units li fallew mill-ġdid. Spjegat li dan sa mhux aktar minn 12-il kreditu u skont il-linji gwida għal kull kors u livell.

Il-lezzjonijiet jidher li kienu qed isiru online filwaqt li xi lezzjonijiet prattiċi ġew posposti minħabba li dawn iridu jsiru fil-laboratorji jew workshops u b’hekk ma setgħux isiru online.