Aġġornata: Kontroversja dwar kemm jaqilgħu studenti apprentisti tal-MCAST

Għadd ta’ studenti tal-MCAST ilmentaw ma’ Newsbook.com.mt dwar il-paga miżera li qed jaqilgħu minkejja li fi żmien bħas-sajf jaħdmu sa 40 siegħa fil-ġimgħa.
F’ħafna mill-korsijiet tal-MCAST, studenti jagħmlu sentejn apprentistat obbligatorju biex ikunu jistgħu jġibu ċ-ċertifikat tal-aħħar.
Matul is-sena skolastika, l-istudenti jaħdmu jumejn fil-ġimgħa iżda fis-sajf jaħdmu ħamest ijiem fil-ġimgħa u b’kollox jagħmlu 40 siegħa.
Minkejja dan, l-istudenti jaqilgħu mhux aktar minn €200 fix-xahar, jiġifieri ħafna inqas mill-paga minima nazzjonali. Fil-fatt, għal dawk li għandhom ‘il fuq minn 18-il sena, il-paga minima nazzjonali hija ta’ €168.01 fil-ġimgħa.
L-istudenti li tkellmu magħna qalu li ħafna minnhom għadhom qed iħallsu l-karozza u dan apparti spejjeż oħra li jkollhom iħallsu.
Qalu li jifhmu li l-għan tal-apprentistat huwa li jġibu l-esperjenza, iżda saħqu li x-xogħol li jagħmlu ma jkunx xi wieħed ħafif, anzi ħafna drabi jkollhom responsabbilitajiet kbar u għalhekk il-paga żgur ma tirriflettix ix-xogħol tagħhom.
L-istudenti spjegaw li apparti dawn il-€200, fis-sajf tas-sena li għaddiet, għall-ewwel darba ngħataw ukoll €200 stipendju. Iżda minkejja dan xorta waħda jkunu qed jaqbdu inqas mill-paga minima.
Apparti minn hekk ilmentaw ukoll li dan l-istipendju s-sena li għaddiet ħaduh xahrejn tard u għas-sajf li ġej għadu mhux ikkonfermat.
Mistoqsija dwar jekk resqux ilmenti lill-amministrazzjoni, l-istudenti qalu li kemm il-darba tkellmu ma’ min hu responsabbli u r-risposta dejjem tkun li qed jaħdmu fuq soluzzjoni.
L-istudenti waqqfu wkoll paġna fuq Facebook jilmentaw dwar dan.
Dwar dan Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-amministrazzjoni tal-MCAST u anke lill-Ministeru għall-Edukazzjoni.

Intant, f’ittra fi dritt tar-risposta, il-Kap Eżekuttiv tal-MCAST Stephen Cachia qal dan li ġej:
“Nirreferi għall-artiklu fil-website Newsbook bit-titolu “Studenti tal-MCAST jaħdmu sajf sħiħ għal €200 fix-xahar”. Dan assolutament mhuwiex minnu u l-istudenti apprentisti imsemmija fl-artiklu jitħallsu iktar mid-doppju tal-ammont imsemmi. Fil-fatt, permezz ta’ deċiżjoni li ttieħed mill-gvern is-sajf li għadda, studenti apprentisti issa qed jibqgħu jitħallsu l-istipendju matul s-sajf, ħaġa li ma ssirx għal studenti post-sekondarji oħra. B’dan il-mod, jekk tgħodd il-ħlas li jingħataw mill-isponsor tal-apprentistat tagħhom flimkien mal-istipendju li jibqgħu jieħdu, l-istudenti apprentisti jitħallsu €433.96 fix-xahar matul is-sajf tal-ewwel sena tal-apprentistat tagħhom u €442.88 fix-xahar matul is-sajf tat-tieni sena.
L-MCAST tixtieq tiċċara li l-iskop tal-apprentistat huwa li l-istudenti jsaħħu t-tagħlim tagħhom billi jkollhom taħriġ prattiku b’esperjenza reali permezz ta’ apprentistat ma’ kumpaniji u industriji li joperaw fis-suggett vokazzjonali li qed jistudjaw fih l-istudenti stess.  Għal dan il-għan, il-kumpaniji u l-industriji jagħtu kontribut finanzjarju ta’ €49.97 fil-ġimgħa matul l-ewwel sena kollha u €52.20 matul it-tieni sena kollha tal-apprentistat.  Dan il-kontribut jibqa’ jingħata anki meta l-istudenti ma jkunux fuq il-post tax-xogħol u jkunu qed jattendu l-MCAST għall-istudji tagħhom.  Barra minn hekk l-istudenti apprentisti jingħataw l-stipendju sħiħ bħall-istudenti l-oħra  kollha post-sekondarji matul is-sentejn tal-kors. Bid-differenza ta’studenti post-sekondarji l-oħra, l-istudenti jingħataw l-istipendju anki matul  is-sajf tal-ewwel u tat-tieni sena.
L-MCAST  qed jaħdem mal-kumpaniji u l-industrji sabiex jara li l-esperjenza fuq il-post tax-xogħol tal-apprentisti tintrabat kemm tista’ mal-istudji tal-istudenti fl-MCAST. Għalhekk l-apprentistat ma jista’ qatt jitqabbel ma’ impjieg u għandu jitqies bħala estensjoni tal-programm tal-istudji tal-istudenti. Dan jiddependi mill-koperazzjoni tal-industrija sabiex l-istudenti ikunu jistgħu jingħataw din l-esperjenza sħiħa.”