Studenti tal-ITS b’sessjonijiet ta’ rkupru minn għada

MTCP

Mill-1 ta’ Settembru se jibdew lezzjonijiet ta’ rkupru li se jibbenefikaw minnhom madwar 180 student fi tliet materji differenti. Dawn il-lezzjonijiet huma parti minn pprogramm vokazzjonali tal-ITS u originarjament kellhom isiru fit-tieni semestru tas-sena skolastika li għaddiet iżda minħabba l-pandemija dawn il-lezzjonijiet kellhom jiġu sospiżi.

F’konferenza stampa l-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli tkellmet dwar l-importanza li l-element prattiku huwa kruċjali fl-edukazzjoni tal-ospitalità li tipprovdi l-ITS. Fil-bidu tal-pandemija tal-COVID-19 l-ITS kienet l-ewwel istituzzjoni edukattiva li nediet online il-lezzjonijiet għall-istudenti tagħha.

Mill-ewwel it-tim eżekuttiv u maniġerjali tal-Istitut ħadem biex jipprovdi soluzzjoni għal din is-sitwazzjoni biex l-istudenti jirkupraw it-tagħlim prattiku mistenni mill-programmi vokazzjonali rispettivi. 

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li l-pjan ta’ rkupru ta’ dawn is-sessjonijiet prattiċi jsegwu b’mod strett il-linji gwida maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika biex tiġi salvagwardjata s-saħħa ta’ dawk kollha involuti, inkluż l-istudenti, il-letturi, l-istaff akkademiku u dak amministrattiv.

L-Istitut tal-Istudji Turistiċi ppubblika wkoll protokolli speċjalizzati fid-dawl ta’ dawn is-sessjonijiet li jmorru lil hinn mil-linji gwida maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika. Dan biex jigi żgurat ambjent ta’ saħħa u sigurtà assoluta għall-individwi involuti f’din l-attività.