Studenti tal-iskola primarja jesperjenzaw il-‘coding’

Hekk kif l-Unjoni Ewropea iċċelebrat il-EU Code Week, il-ġimgħa ddedikata għat-tagħrif dwar il-coding, l-Akkademja tal-PwC, b’kollaborazzjoni ma’ Creolabs u mal-Fondazzjoni eSkills, inbidlet f’ċentru għall-kreattività u għall-coding. L-istudenti esperjenzaw is-saħħa tal-coding u tgħallmu jkunu innovattivi bl-użu tat-teknoloġija.
It-tfal kellhom ukoll l-opportunita' jiffamiljarizzaw mal-coding permezz ta’ sessjonijiet prattiċi bl-użu ta’ Scratch, Be-Bots, Pro-Bots and BBS: Microbots u b’hekk, kienu esposti għall-ħsieb kreattiv u għall-futur tal-coding. Fil-workshops li saru, l-istudenti ħadmu fi gruppi, li serviet ta’ opportunità biex jaqsmu aħjar il-ħsibijiet u l-ideat tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri żar l-Akkademja tal-PwC fejn studenti mill-iskola primarja ta’ Ħal Luqa esperjenzaw mill-qrib kif jaħdem il-coding – lingwa fid-dinja diġitali. Huwa osserva mill-qrib x’kienu qed jagħmlu l-istudenti u l-eżerċizzji li ngħataw, u tahom sfida – li jagħmlu s-salib li jidher fuq l-arma ta’ Ħal Luqa, liema sfida t-tfal laqgħu b’entużjażmu. 
Wara ż-żjara saret laqgħa ma’ parti mill-amministrazzjoni tal-PwC.