Studenti tal-Higher jisħqu li “rotta waħda mhix biżżejjed”

L-istudenti ta’ Giovanni Curmi Higher Secondary bdew petizzjoni u servej bil-ħsieb li jippreżentawh lill-Ministru għat-Trasport, Ian Borg, sabiex tissolva l-problema tat-trasport pubbliku għall-iskola.
Sa issa, il-petizzjoni ġiet iffirmata minn aktar minn 500 student.
Kelliem għall-Kunsill Rappreżentattiv tal-Istudenti tal-Higher spjega ma’ Newsbook.com.mt kif hemm biss rotta waħda li tgħaddi minn ħdejn l-iskola għall-Belt Valletta.
Hu kompla jgħid li “hija assurda” li skola li fiha jattendu madwar 1,500 student u li tinsab viċin tal-MCAST u l-MRC Middle School, għandha biss ir-rotta 43 li tgħaddi kull nofs siegħa.
Minħabba f’hekk, bosta studenti jkollhom imorru jaqbdu l-karozza tal-linja mill-pjazza tan-Naxxar.
Il-kelliem qal li mill-informazzjoni li nġabret s’issa, l-istudenti kollha li joqogħdu fin-nofsinhar ta’ Malta jieħdu madwar sagħtejn sabiex jaslu l-iskola kmieni filgħodu.
Il-kunsill tal-istudenti bħalissa qed joħroġ b’diversi proposti sabiex jittejjeb is-servizz tat-trasport pubbliku.
Il-kelliem għall-kunsill qal li waħda minnhom hija dik li r-rotta 43 tibda ssir kull kwarta minflok kull nofs siegħa, speċjalment bejn is-7.30am u d-9.30am u s-2pm u 3.15pm. Hu spjega kif dawn huma l-aktar ħinijiet fejn l-istudenti jiġu bżonn din ir-rotta.
Ritratt: Giovanni Curmi Higher Secondary