Studenti tal-BCOM se jingħataw zero awtomatikament; rabja fost l-istudenti

SDM, KSU jirreaġixxu għal din id-deċiżjoni

Budget2021_University
Miguela Xuereb

Read in English.

L-istudenti tal-ewwel sena li qegħdin jistudjaw il-Kummerċ fl-Università ta’ Malta mistennija jingħataw zero b’mod awtomatiku, wara li l-fakultà konċernata rċiviet iktar minn 43 screenshot ta’ chats fuq Facebook Messenger, li juru li kien hemm studenti li ma osservawx ir-regoli u li qarrqu waqt żewġ testijiet tas-suġġett EMA1008.

Kien għalhekk li l-fakultà waslet għad-deċiżjoni li tagħti l-marka zero lill-istudenti kollha bil-possibilità li dan it-test jerġa’ jsir. Madanakollu, l-istudenti mhux se jkunu jistgħu jġibu aktar mill-marka minima li wieħed jista’ jġib biex jgħaddi mit-test.

Jekk jerġa’ jkun hemm każ ieħor ta’ qerq, l-istudenti jistgħu jfallu mis-suġġett kollu.

Intant, diversi studenti ilmentaw dwar din id-deċiżjoni, bi studenta partikolari tgħid li għalxejn nefqet il-flus fuq lezzjonijiet privati u m’użatx il-mowbajl għaliex xorta se tingħata 0.

“Deċiżjoni inġusta” – KSU

Il-Kunsill tal-Istudenti Universitarji (KSU) jemmen li d-deċiżjoni meħuda mill-fakultà kienet waħda inġusta. Filwaqt li jikkundanna kull tip ta’ qerq u li sitwazzjonijiet bħal dawn għandhom jiġu indirizzati, “mhuwiex raġonevoli li l-istudenti kollha jiġu ppenalizzati qabel ma jsir smigħ ġust quddiem il-bord dixxiplinarju tal-fakultà bħala parti mill-investigazzjoni”.
Il-KSU saħaq li huwa inġust li studenti li ħadmu qatigħ u għamlu l-eżami għal rashom mingħajr ma kkonsultaw ma’ sħabhom jirċievu l-marka zero minħabba l-azzjonijiet ta’ ħaddieħor. Kien għalhekk li l-KSU appella biex terġa’ tiġi kkunsidrata din id-deċiżjoni u li l-penalizzazzjoni ssir b’mod individwali u mhux b’mod kollettiv.

L-SDM tikkundanna l-qerq f’kull mod u manjiera

L-għaqda studenteska SDM ikkundannat il-qerq f’kull mod u manjiera u saħqet li l-eżamijiet onlajn, eżamijiet għad-dar u metodi alternattivi oħra ġew implimentati biex tiġi ssalvagwardjata s-saħħa tal-istudenti u li għalhekk huwa d-dmir tal-istudent li jobdi r-regoli maħruġin mill-Università ta’ Malta.

L-SDM tgħid li tissimpatizza ma’ dawk l-istudenti li obdew ir-regolamenti u li xorta waħda ġew affettwati minn din id-deċiżjoni.

Intant, fil-ġranet li ġejjin, l-SDM se tkun qiegħda tiddiskuti din is-sitwazzjoni ma’ entitajiet konċernati oħrajn fosthom il-bord tal-fakultà, l-għaqda tal-istudenti tal-fakultà kif ukoll il-Kunsill tal-Istudenti Universitarji.