​Studenti tal-apprendistat fl-MCAST b’għotja żejda ta’ €233 fil-bidu ta’ kull sena

B’risposta għal mistoqsija parlamentari, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li fis-sena skolastika li għaddiet, kien hem 1,438 student li ħadu l-għotja supplementari. Il-parti l-kbira tagħhom jattendu xi kors fl-MCAST.
Semma kif studenti li qed isegwu xi kors tal-apprendistat jirċievu għotja inizjali fil-bidu ta’ kull sena akkademika ta’ €232.94 u mhux għotja ta’ darba.
Żied jgħid li f’Lulju ta’ din is-sena kien hem 819 student tal-apprendistat fl-MCAST li kollha rċivew stipendju speċjali fis-sajf 2017.
Huwa kien qed iwieġeb għal sensiela ta’ mistoqsija parlamentari mressqa mid-deputata Nazzjonalista Therese Comodini Cachia.
"Is-sena l-oħra kien hemm 689 student li ma attendewx l-iskola fuq bażi regolari"
Dwar l-istess settur tal-edukazzjoni, il-Ministru Bartolo f’mistoqsija parlamentari oħra, qal li l-ħaddiema soċjali jagħmlu monitoraġġ dwar l-attendenza tat-tfal fl-għaxar kulleġġi.
Qal li l-attendenza tinżamm fuq sistema elettronika.
Il-Ministru Evarist Bartolo qal li matul is-sena skolastika li għaddiet il-ħaddiema soċjali segwew 689 student li ma attendewx l-iskola fuq bażi regolari. Għal mistoqsija parlamentari oħra, il-Ministru tal-Edukazzjoni qal li s’Awwissu li għadda, il-Gvern kellu 513 il-LSA jgħinu lit-tfal.
"685 fattiga jaħdmu fl-iskejjel tal-Gvern"
Fil-bidu ta’ din is-sena skolastika, hemm 685 fattiga jaħdmu fl-iskejjel tal-Gvern. Fil-Parlament, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo elenka xahar b’xahar it-total ta’ fattigi fl-iskejjel statali fejn jidher li fix-xhur tas-sajf ukoll, dan in-numru baqa’ stabbli.
L-istess ċifri madankollu juru kif bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena, żdiedu 21 fattiga fl-iskejjel tal-gvern.