Studenti ta’ San Anton b’siġra għal Daphne

Aktar kmieni llum, l-istudenti fl-iskola San Anton ħawwlu siġra tar-rand biex ifakkru lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

It-tfal ta’ Daphne kienu jattendu din l-iskola.
Għall-attività tal-lum ġew mistiedna membri tal-familja ta’ Daphne u kien hemm preżenti ħut Daphne u l-ġenituri tagħha.
Waħda mill-istudenti spjegat li fl-iskola huma jitgħallmu jkunu maturi fil-mod kif jargumentaw u jesprimu lilhom infushom b'mod ħieles u bħala Kunsill ħassew li għandhom jassiguraw id-dritt li jitkellmu u jesprimu rwieħhom billi jagħmlu dan il-ġest.
Waqt li kompliet bil-messaġġ tagħha, hija esprimiet ix-xewqa li skola bħal San Anton tkompli tgħallem lill-istudenti, il-valuri morali biex dak li hu ġust f'soċjetà moderna jibqa’ ħaj u biex l-iskola, tibqa’ l-benniena għall-mexxejja futuri tal-pajjiż.
Tittama wkoll li dawn il-mexxejja l-ġodda jipproteġu “l-valur prezzjuż tal-libertà tal-kelma”.
F’messaġġ fuq Facebook, Corinne Vella, oħt Daphne, rringrazzjat lill-istudenti u l-istaff tal-Iskola San Anton.