Studenti ta’ Barts jieħdu post dawk Maltin f’Mater Dei – MMSA

Miguela Xuereb

Read in English.

Studenti tal-mediċina tat-tielet sena fl-Università ta’ Malta ġew miċħuda l-post tal-Gastroenteroloġija tagħhom din il-ġimgħa minħabba nuqqas ta’ konsulenti fl-Isptar Mater Dei. 

Dan minħabba l-fatt li l-istudenti tal-Barts Medical School kienu qed jokkupaw żewġ konsulenti għall-placements tagħhom, ukoll fil-Gastroenteroloġija. 

Fi stqarrija, l-Malta Medical Students’ Association (MMSA) u l-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) spejgaw li huwa ċar li l-influss il-ġdid ta’ studenti tal-Barts diġà qed ipoġġi pressjoni fuq is-sistema u qed jiċħad lill-istudenti tal-Università aċċess sħiħ għall-istaff akkademiku tal-Isptar Mater Dei.

Dokument li ġie adottat mill-MMSA f’EGM f’April 2019 u sussegwentement approvat mill-KSU, elenka s-salvagwardji meħtieġa li l-istudenti tal-mediċina tal-Università jitolbu fid-dawl ta’ din ir-realtà ġdida f’Mater Dei. Skont l-assoċjazzjoni, dan id-dokument ġie ppreżentat lill-Ministeru għas-Saħħa iżda ma ngħatat l-ebda assigurazzjoni bil-miktub u ma saru l-ebda arranġamenti min-naħa tal-Ministeru.