Studenti miżmuma l-iskola minħabba ż-żjara tal-Ministru

Studenti li jattendu l-MCAST f’Għawdex, nhar it-Tnejn li għadda ma tħallewx joħorġu mill-iskola, għal mill-inqas sagħtejn.
Ma’ Newsbook.com.mt, sorsi qrib l-MCAST ta’ Għawdex qalu li dakinhar tal-ftuħ uffiċjali tal-MCAST f’Għawdex, l-istudenti kollha ma kellhomx għażla oħra għajr jibqgħu fil-bini tal-iskola, bejn l-4pm u s-6pm. Dan minkejja li f’ġurnata normali tat-Tnejn f’dawk il-ħinijiet mhux l-istudenti kollha jkollhom lezzjonijiet.
L-istess sorsi qalu li għadd ta’ għalliema ġew ordnati joqogħdu mar-rixtelli taċ-ċentru biex ma jħallux lill-istudenti joħorġu, waqt li l-istudenti saritilhom lezzjoni. Sostnew li r-raġuni wara dan kollu kienet biex waqt iż-żjara li għamel il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo, il-klassijiet ikunu mimlija bl-istudenti.
Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, kelliem għall-Ministeru tal-Edukazzjoni qal li “kif kien ippjanat l-istudenti kienu preparati biex jiġu involuti f’attivitajiet marbuta mal-ftuħ tal-Kampus il-ġdid f’dawn il-ħinijiet.”
Żied jgħid li għal dan l-għan, “dakinhar l-istudenti ngħataw permess jibdew skola f’ħin ferm aktar tard mis-soltu, u li kif temmew l-attivitajiet fis-6pm, kull min xtaq jitlaq u ma jibqax għaċ-ċerimonja tal-ftuħ li għaliha kull student kien mistieden, seta’ jitlaq bil-liberta’ kollha.”
Madanakollu, Newsbook.com.mt huwa nfurmat li qabel iċ-ċerimonja ma kien hemm l-ebda attivitajiet.