Studenti minn bubbles differenti jitħalltu fl-iskola sekondarja ta’ Pembroke

Studenti li jattendu fl-iskola sekondarja fil-Kulleġġ Santa Klara f’Pembroke tħalltu barra mill-bubbles tagħhom u xerrdu ritratti flimkien fuq il-midja soċjali. L-iskola ħarġet xi sanzjonijiet fil-konfront tal-istudenti.

Dawn l-istudenti tas-sekondarja ġew f’kuntatt ma’ ħbieb tagħhom li jagħmlu parti minn bubbles differenti. Huma ħadu r-ritratti flimkien u xerrduhom fuq il-midja soċjali. Fihom, uħud minnhom kienu anke bla maskra.

Dan imur kontra l-linji gwida maħruġin mill-awtoritajiet tas-saħħa fuq l-iskejjel, peress li l-istudenti għandhom strettament jibqgħu fil-bubbles tagħhom u ma jitħalltux ma’ gruppi oħrajn sabiex tiġi kkontrollata l-imxija tal-coronavirus. Apparti hekk, l-istudenti suppost jilbsu l-maskra l-ħin kollu fil-ħin tal-iskola, speċjalment issa li l-ilbies tal-maskri qed jiġi infurzat.

Student tal-iskola li tkellem ma’ Newsbook.com.mt qal li ma jħossx li dan l-aġir minn studenti oħra huwa ġust fuqu u fuq sħabu peress li dawn ma jistgħux imorru l-iskola għax il-ġenituri tagħhom vulnerabbli, u mbagħad hemm studenti li jiksru l-protokolli b’dal-mod.

“L-istudenti fehmu li żbaljaw”

Kelliem għall-Ministeru tal-Edukazzjoni spjega lil Newsbook.com.mt li l-iskola kienet infurmata bil-każ u ttieħdu l-passi neċessarji kollha, fosthom li ħarġu sanzjonijiet lill-istudenti. Intbagħtet ukoll ittra lill-ġenituri li permezz tagħha kienu infurmati li jekk l-istudenti jerġghu jiksru xi protokolli, dawn jiġu sospiżi.

Huwa żied jgħid li din l-iskola temmen li l-istudenti għandhom jifhmu x’għamlu ħażin u jiskużaw ruħhom, bil-għan li ma jerġgħux jiżbaljaw. Ingħad li waqt li l-istudenti kienu f’sessjoni, ammettew li żbaljaw u talbu għajnuna fit-tixrid ta’ mġiba iktar konformi mal-protokolli. 

“L-istudenti fehmu li żbaljaw, fehmu li l-iskola stenniet aħjar minnhom u aċċettaw dak kollu li ntqalilhom,” temm jgħid il-kelliem.

Tagħrif dwar il-linji gwida għall-ftuħ tal-iskejjel
Filmat: 10 affarijiet li għandek tkun taf dwar il-ftuħ tal-iskejjel

Intant, minħabba ż-żieda allarmanti fil-każijiet tal-coronavirus, l-unjin għall-edukaturi (UPE) qiegħda titlob li t-tagħlim jitmexxa online u l-iskejjel jingħalqu kompletament. Hija appellat darba wara oħra lill-Ministeru għall-Edukazzjoni sabiex dan isir u qiegħda thedded bi strajk.

Ħarġet għadd ta’ direttivi lill-membri tagħha, fosthom li l-għalliema tal-kindergarten m’għandhomx jagħtu lezzjonijiet peress li l-istudenti li għandhom bejn tlieta u ħames snin huma eżentati milli jilbsu l-maskra fil-klassi.